It-Taljani se jibdew il-vjaġġi u l-btajjel li tant magħrufa għalihom f’Awwissu b’żieda oħra fil-prezz tal-fuel.
Ir-RAI irrapporta kif il-prezzijiet jinsabu telgħin b’mod qawwi proprju fil-jiem li t-turisti, fosthom miljuni ta’ Taljani stess, jibdew jiċċaqilqu lejn il-postijiet ta’ mistrieħ u divertiment fil-peninżula Taljana.
Kompla jiġi rrapportat li ż-żieda fuq medda ta’ xahrejn biss kienet kważi tlaħħaq il-5%, b’karozza ta’ familja medja trid €127 biex timliha.
Il-prezzijiet saħansitra qed jaqbżu ż-żewġ ewro-l litru bħala regola u hemm fejn ilaħħqu ż-żewġ ewro u ħamsin ċenteżmu l-litru.
Dan qed iwassal biex l-effett jinħass ukoll fuq oqsma oħrajn, speċjalment fejn irid isir it-trasport ta’ prodotti essenzjali, inkluż il-ħaxix u l-frott. Din kwistjoni li ngħatat prominenza anke fil-ġurnali li ġew ippubblikati l-Ħadd, b’analisti jitkellmu fuq l-impatt ta’ żidiet bħal dawn fil-prezzijiet.
Fi kliem sempliċi, il-gazzetti Taljani qalu li, b’dak li qed jiġri, il-perjodu tal-vaganzi magħruf aħjar bħala Ferro Agosto, se jsir wieħed għas-sinjuri biss.