It-Taljan ta’ disgħa u tletin sena li kien imfittex mill-pulizija b’rabta ma’ każ t’attentat ta’ qtil, tressaq il-Qorti fejn intqal li huwa kien qed jipprova jaħrab minn Malta. Damiano Alfio Rannisi Torrisi għamel xahar jevadi l-pulizija u kien mistoħbi fost l-oħrajn f’Għawdex u f’garaxx mibdul f’appartament, fil-Mellieħa. F’dan tal-aħħar instab mill-pulizija b’bagalja bil-ħwejjeġ fejn hu mifhum li kien se jipprova jaħrab mill-pajjiż. Torrisi, sid ta’ ħanut, ġie akkużat li prova joqtol lil Ivan Galea u Ronald Mallia billi sparalhom fin-Naxxar. Hu ġie mixli wkoll li darab lil Galea, kien fil-pussess t’arma illegali u li seraq vettura. Filwaqt li l-akkużat ċaħad l-akkużi kontrih ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.