Maximiliano Genova ta’ 39 sena minn Sirakuża aċċetta li jiġi estradit lejn l-Italja wara li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ ċirku kriminali ta’ droga fl-Italja.
Il-Qorti laqgħet it-talba li l-persuna miġjuba quddiemha tkun estradita lejn l-Italja.
It-Tlieta, il-pulizija Maltija qalet li Taljan ta’ 39 sena ġie arrestat għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar.
Dan wara li fl-aħħar jiem il-Pulizija kienet involuta f’operazzjoni ta’ sorveljanza fuq Taljan, wara li l-investigazzjonijiet wasslu biex ikun identifikat li r-raġel qiegħed jgħix Malta.
Din l-operazzjoni saret bil-kollaborazzjoni mal-Pulizija Taljana, hekk kif l-arrest sar fl-istess waqt li f’Sirakuża kienet qiegħda ssir operazzjoni mill-Carabinieri fejn ġew arrestati wieħed u tletin persuna b’rabta ma’ traffikar tad-droga li allegatament kien qiegħed iħalli qligħ ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro kuljum lil din l-organizzazzjoni kriminali.