It-Talibani ħatfu Kandahar it-tieni l-akbar belt fl-Afganistan. Fl-imgħoddi l-belt kienet il-fortizza tat-Talibani, u hija strateġikament imporanti bħala ċentru kummerċjali ewlieni.
It-Talibani bdew jerġgħu juru l-forza hekk kif it-truppi Amerikani rtiraw mill-Afganistan wara għoxrin sena ta’ operat.
Din l-aħbar ġabet reazzjoni internazzjonali hekk kif is-sitwazzjoni qed teskala b’mod allarmanti.
ONE News tkellem mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo li spjega waħda mir-raġuni għala t-Talibani żiedu l-isforzi tagħhom: “Dak li qed jiġri fl-Afganistan juri kif pajjiżi kbar anke bħall-Istati Uniti, meta jħossu li jridu jaġġixxu fl-interessi tagħhom, ma jżommhom xejn. U allura qabdu u ddeċidew li jirtiraw mill-Afganistan, lanqas lill-aleati tagħhom tan-NATO ma kkonsultaw, kulma għamlu kien li infurmawhom.”
L-istess qal il-Ministru għad-Difiża Ingliż Ben Wallace b’reazzjoni għall-aħbar. Wallace tkellem dwar il-ftehim li kien għamel l-eks President Amerikan Donald Trump mat-Talibani, li seta’ mmina l-Gvern Afgan fil-ġlieda tiegħu għall-paċi u stabbiltà.
Huwa esprima t-tħassib tiegħu, li jekk l-avvanz jibqa’ għaddej l-Afganistan jara żieda fil-faqar u terroriżmu.
Fl-aħħar sigħat ġie kkonfermat li l-kmandant li kien qed imexxi l-ġlieda kontra t-Talibani qed jinżamm mill-militanti. Jidher li inxterdu filmati tiegħu jitkellem, iżda dan ma juric jekk Ismail Khan kienx qed jiġi mhedded.
Bħalissa eluf ta’ ċittadini qed jivvjaġġaw lejn Kabul, hekk kif qed jaraw il-belt kapitali Afgana bħala l-aħħar sors ta’ kenn qabel jaħarbu minn pajjiżhom.
Il-Ministru Bartolo tenna li ċ-ċaqliq ta’ immigranti mill-Afganistan ilu għaddejj minn Mejju li għadda: “Minn Mejju ċċaqilqu kwart ta’ miljun Afgani li qed jaħarbu mit-Talibani. U allura hemm ukoll il-biża’ ta’ mewġa ġdida ta’ immigranti lejn anke l-Unjoni Ewropea, anke lilna taffettwana.”
In-Nazzjonijiet Magħquda ħeġġet lill-ġirien tal-Afganistan sabiex iżommu l-fruntieri tagħhom miftuħa hekk kif numru ta’ ċittadini qed isibu refuġju mill-attakk.
Minkejja dak li qed jiġri preżentament fl-Afganistan, il-pajjiż għadu qed jittama dwar possibilment soluzzjoni politika mat-Talibani.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/08/13/l-izvilupp-fl-afganistan-gab-reazzjonijiet-internazzjonali/