Rapporti fil-midja internazzjonali qed jikkwota l-Aġent Ministru tal-Intern tal-Afganistan jgħid li hemm pjanata laqgħa fil-Palazz Presidenzjali fil-kapitali Kabul biex il-poter jgħaddi f’idejn it-Taliban b’mod paċifiku.
Prattikament it-Taliban ħadu l-pajjiż kollu f’idejhom u issa anki Kabul tidher riesqa li tkun kompletament f’idejn il-grupp fundamentalista.
F’Kabul dehru kjuwijiet kbar ta’ nies barra l-banek biex jiġbdu flushom, oħrajn reqdin fit-tined fi spazji miftuħa, b’oħrajn jaħarbu mill-belt u jgħidu li f’postijiet f’idejn it-Taliban, in-nisa qed jiġu ordnati jilbsu l-burka.
Kelliem għall-militanti Talibani ġie kwotat jgħid li l-grupp talab lill-ġellieda jistennew barra l-belt u biex ma jkomplix jinxtered iżjed demm.
Talab ukoll li n-nies ċivili jitħallew jitilqu mill-belt jekk jixtiequ jagħmlu dan u għalhekk se jkun hemm passaġġ sigur minn fejn jgħaddu n-nies barra minn Kabul.
Jidher li t-Taliban ħadu l-bażi ta’ Bagram, barra Kabul.
Din kienet bażi militari Amerikana minn fejn il-forzi tal-Istati Uniti kienu ħarġu bl-offensiva f’bosta missjonijiet militari f’dan il-pajjiż.
Il-President Amerikan Joe Biden iddefenda d-deċiżjoni li l-Amerka toħroġ ’il barra mill-Afganistan dwar gwerra li sejħilha mhux importanti għall-Amerikani.
Bħalissa l-Amerka u l-Gvern tar-Renju Unit qed jaħdmu biex nies fl-ambaxxati u li jaħdmu fil-pajjiż joħorġu mill-Afganistan.
Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson se jlaqqa’ wkoll il-Parlament biex jiddiskuti l-iżviluppi fl-Afganistan.
L-offensiva militari tat-Taliban ilha għaddejja iżda qabdet ir-ritmu fl-aħħar jiem.
Nhar it-tlettax t’Awwissu erbat ibliet ta’ provinċji kbar waqgħu f’idejn it-Taliban f’jum wieħed.
It-Taliban kienu bdew jitilfu l-poter fl-Afganistan eżatt għoxrin sena ilu wara l-attakki tal-11 ta’ Settembru u l-Amerikani marru biex jaqbdu lil Osama Bin Laden.
Il-Fundatur tat-Taliban, Mullah Omar, kien iddikjara l-Afganistan bħala stat fundamentalista.
Huwa kien miet bit-tuberkulożi fl-2013, f’dar tliet kilomteri ’l bogħod minn bażi militari Amerikana.
Huwa kien imfittex mill-Amerikani u kemm-il darba ħarbilhom minn taħt għajnejhom.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/08/15/aggornat-it-talibani-dahlu-fkabul/