Fl-Afganistan, it-Taliban biddel il-Ministeru għan-Nisa f’ministeru ddominat kompletament mill-irġiel u ser ikun qed iħares il-vizzji u l-moralità.
Dan il-ministeru ser ikollu f’idejh l-infurzar tal-interpretazzjoni estrema tat-Taliban rigward ir-reliġjon Iżlam.
Uffiċjali fi ħdan il-ministeru stqarru li ma jafux jekk hemmx pjanijiet għal ministeru ġdid għan-nisa.
Din l-aħbar waslet hekk kif l-iskejjel fl-Afganistan reġgħu fetħu l-bibien tagħhom għas-subien biss minkejja l-fatt li l-grupp kien ikkommetta ruħu li ser iħalli lit-tfajliet jattendu l-iskola saħansitra sal-livell terzjarju.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni l-ġdid iffurmat mit-Taliban ma ta l-ebda ħjiel meta t-tfajliet ser ikunu jistgħu jibdew jattendu l-iskola anki jekk dawn jiġu segregati mis-subien.