Spettaklu viżiv li paxxa lil kulħadd.
It-timbru tal-kunċert ‘Together in Concert’ kien l-isem Malta.
Karti jisparaw bl-ilwien bojod u ħomor, nies ixejru l-bajda u l-ħamra u fuq kollox kanzunetti Maltin li ma jmutu qatt flimkien ma’ kanzunetti oħra li bdew l-attività sabiħa tal-Partit Laburista, l-aħħar Rally Team Malta f’Ħadd ta’ kampanja elettorali.
L-ispettaklu bis-sehem tal-orkestra taħt id-direzzjoni tas-Surmast żagħżugħ u promittenti Ryan Paul Abela beda bl-ewwel noti tal-kapolavur ta’ Robert Miles, Children.
L-ispettaklu kiber bl-ilħna ħienja tat-tfal mżewwaq biż-żfin.
It-talent tal-artisti Maltin kien kollox.
Kulħadd tgħaxxaq meta nstemgħet Xemx.
Viva Malta kienet fost il-kanzunetti li qanqlu lil dawk preżenti.
Kanzunetti bl-Ingliż ukoll ingħataw interpretazzjoni mill-isbaħ f’dan il-kunċert qabel l-indirizzi politiċi.
Kien hemm is-silta The Lion King u Never Enough minn The Greatest Showman fejn ingħata kollox fuq il-palk ukoll.
L-entużjażmu tan-nies preżenti fl-MFCC kompla sal-aħħar tal-kunċert u baqa’ għaddej wara waqt id-diskorsi politiċi.
Il-messaġġ pożittiv tal-Partit Laburista ‘Malta Flimkien’ kien rifless fl-għeluq tal-kunċert.




