L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ma sabx li kien hemm ksur ta’ privileġġ mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista David Thake.
Dan wara li t-Tnejn, id-Deputat Nazzjonalista David Thake talab sabiex ikun hemm investigazzjoni ta’ ksur ta’ privileġġ, wara li l-ġimgħa l-oħra, Chris Fearne żvela kif kien hemm iżjed minn deputat wieħed tal-Partit Nazzjonalista li talbu biex iqabbżu l-kju fl-għoti tat-tilqim għall-Covid-19.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Ispeaker tal-Parlament aċċenna għad-deċiżjoni li ta lbieraħ, fejn qal li d-Deputat Prim Ministru ma semma lill-ebda deputat partikolari.
Fid-deċizjoni tal-ilbieraħ, Anġlu Farrugia ssuġġerixxa l-membri parlamentari għandhom jieħdu t-tilqima iżda l-Prim Ministru Robert Abela qal li ma jħossx li minħabba l-kariga tiegħu jieħu preċedenza u jieħu l-vaċċin għall-Covid-19 qabel ħaddieħor.
Wara qam il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u filwaqt li qal li ma jaqbilx mar-ruling, saħaq li se jikkontesta d-deċiżjoni tal-Ispeaker.