Sa fl-aħħat it-Tajwan qed tipprojbixxi l-konsum ta’ laħam ta’ klieb u qtates, dan hekk kif il-ġimgħa l-oħra saret bidla fil-leġiżlatura tal-pajjiż fis-sezzjoni tad-drittijiet tal-annimali.
Din il-projbizzjoni saret sabiex it-Tajwan turi li hi kontra l-moħqrija tal-annimali li sfortunatament jispiċċaw ma jkollhomx l-aħħar jiem ta’ ħajjithom feliċi hekk kif il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-produzzjoni tal-laħam mhix ħanina.
Il-liġi fit-Tajwan qabel kienet tgħid li hi tipprojbixxi li kelb jew qattus jiġi maqtul bil-għan li l-laħam tiegħu jintuża għal konsum, iżda issa din il-bidla tgħid ukoll li se tkun qed tipprojbixxi l-konsum tal-laħam ta’ dawn l-annimali.
Persuni li jinstabu ħatja li kkonsmaw jew biegħu laħam tal-klieb jew qtates issa jistgħu jeħlu multa li titla bejn $1,640 u $8,200.