Tħabbru l-pjanijiet tat-Tajlandja li mill-ewwel ta’ Novembru li ġej, ittemm il-kwarantina obbligatorja għal turisti mlaqqma kompletament kontra l-Covid minn għaxar pajjiżi meqjusa ta’ riskju baxx.
Fost dawn il-pajjiżi hemm ir-Renju Unit, iċ-Ċina, il-Ġermanja u l-Istati Uniti.
Dawn it-turisti xorta jridu jippreżentaw test negattiv u jagħmlu test ieħor mal-wasla tagħhom fit-Tajlandja.
Il-Prim Ministru tal-pajjiż qal li din id-deċiżjoni ġġib magħha ċertu riskji imma hija importanti biex is-settur turistiku li fl-aħħar xhur ikkrolla, jerġa’ jibda jqum fuq saqajh.
Minn Lulju ’l hawn, fit-Tajlandja qed ikunu rreġistrati mal-għaxart elef infezzjoni tal-Covid kuljum.
Tlieta u tletin fil-mija tal-popolazzjoni, madwar sebgħin miljun persuna, hija mlaqqma kompletament, filwaqt li għoxrin fil-mija oħra ħadu minn tal-inqas doża waħda.
It-Tajlandja se terġa’ tiftaħ stabbilimenti tad-divertiment minn Diċembru li ġej fejn se jitħalla l-bejgħ tal-alkoħol.
Dakinhar ukoll, l-awtoritajiet mistennija jħabbru aktar pjanijiet biex it-Tajlandja tiftaħ għal aktar pajjiżi.