Mijiet ta’ koppji LGBTQ+ irreġistraw iż-żwieġ tagħhom taħt il-liġi l-ġdida li l-Ħamis daħlet fit-Tajlandja u li għamlitha l-ewwel pajjiż fix-Xlokk Asjatiku u t-tielet fl-Asja wara it-Taiwan u Nepal, li qed jirrikonoxxi l-unjoni tal-istess sess. F’kumpless tax-xiri fiċ-ċentru ta’ Bankok, kienet organizzata ġurnata gala sabiex kienu akkomodati il-mijiet ta’ koppji tal-istess sess li riedu jirreġistraw iż-żwieġ tagħhom propju fl-ewwel jum.
Għalkemm it-Tajlandja hija magħrufa għall-inklussività, ilha għexieren ta’ snin tipprova tgħaddi din il-liġi. Is-soċjetà Tajlandiża tħaddan ħafna valuri konservattivi u membri tal-komunità LGBTQ+ jgħidu li jiffaċċjaw ħafna diskriminazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum għalkemm jirrikonoxxu li s-sitwazzjoni tjiebet ħafna fl-aħħar snin.