It-taħwid u l-verżjonijiet differenti fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista qed ikompli jiġi nnutat
F’artiklu s-Sunday Times irrimarkat li hemm wegħdiet doppji, oħrajn issibhom iktar minn darba bi ftit kliem differenti filwaqt li wegħdiet oħra huma nieqsa u Bernard Grech qabad u semmihom kif ġie ġie fl-attivitajiet iżda meta tmur tfittxhom fil-manifest tiegħu, ma ssibhom imkien.
It-Times fil-fatt issemmi li wegħdiet fuq paġna 199 huma fil-fatt doppji.
Dwar dan il-fatt, fl-aħħar jiem anki ONE News staqsa lill-Kap Nazzjonalista fuq kif hemm wegħdiet doppji.
Il-ġurnalist ta’ ONE Colin Deguara staqsa, “Għandi mistoqsija dwar il-programm elettorali li frankament huwa mimli żbalji. Punt 534 huwa kelma b’kelma bħal punt 538. Punt 535 huwa kelma b’kelma bħal punt 539. Punt 536 huwa kelma b’kelma bħal punt 540 u punt 537 huwa kelma b’kelma bħal punt 541. Tgħidli eżatt kemm għandkom punti dupplikati fil-programm elettorali?
Grech qal, “Ifisser li nkunu qed nistressaw xi punt jew ieħor. Nirringrazzjak. Programm elettorali tagħna huwa..”
Deguara rrimarka, “Kelma b’kelma ta.”
Iżda hawnhekk huwa evidenti li bit-tweġiba tiegħu, Grech qed jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel hekk kif numru ta’ wegħdiet dupplikati qed jintużaw biex il-manifest jidher mimli iktar milli fil-fatt hu.
Għalhekk komplejna nistaqsu dwar kemm huwa aċċettabbli li fil-kuntratt tiegħu mal-elettorat ikun hemm dan l-ammont kbir ta’ żbalji.
Deguara staqsa, “Aċċettabbli li fil-kuntratt tiegħek man-nies ikollok daqsekk żbalji?”
Grech wieġeb, “Għandi ċ-ċans niltaqa’ magħkom u nkompli nispjega.”
It-Times innutat ukoll li Bernard Grech u kandidati Nazzjonalisti qed jindirizzaw konferenzi tal-aħbarijiet iħabbru wegħdiet li lanqas huma mniżżla mill-programm elettorali, biex tkomplew iqumu dubji fuq il-kredibilità li għandu Bernard Grech.
Fuq kollox it-Times semmiet proposti bħal tal-fond għall-pensjoni li l-Partit Laburista nnota kif Bernard Grech irid jitfa’ l-piż tal-finanzjament tal-pensjonijiet, jiġifieri l-bolla, fuq is-settur privat.
Dan apparti l-wegħda li Bernard Grech iħott ir-riforma fil-liġi tal-kera ta’ qabel l-1995, fejn fi tliet snin, Grech inaqqas is-sussidju li l-Gvern ta lill-inkwilin għal għomorhom biex imbagħad Gvern Nazzjonalista jitfa’ l-piż tal-għoli fil-kirjiet fuq l-inkwilin.