Il-fondi Ewropej qed jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ekonomika li għaddej minnha pajjiżna biex ikollu ħaddiema b’ħiliet ġodda f’impjiegi ta’ kwalità.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett tkellem dwar l-istrateġija tal-Gvern f’dan il-qasam waqt żjara fil-kumpanija Simonds Farsons Cisk, fejn intlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv Norman Aquilina.
Din il-kumpanija gawdiet mill-programm Investiment fil-Ħiliet iffinanzjat mill-fondi Ewropej, fejn fl-aħħar sitt snin biss, ħadet tnejn u ħamsin għotja għat-taħriġ li jammontaw għal total ta’ erbgħa u sittin elf ewro. Permezz ta’ korsijiet relatati mal-finanzi, ir-riżorsi umani, il-management u l-ħiliet għal professjonisti speċifiċi, aktar minn ħames mija u sebgħin ħaddiem ingħataw taħriġ.
Mill-fondi Ewropej għas-snin 2014 sal-2020, il-Gvern alloka aktar minn seba’ miljun ewro għat-taħriġ tal-ħaddiema f’pajjiżna, b’sessjonijiet fil-klassijiet, oħrajn fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll taħriġ individwali personalizzat u anke online. B’dan l-investiment, intlaħqu mat-tmienja u tletin elf ħaddiem.
Is-Segretarju Parlamentari Bonett qal li l-Gvern se jkompli jalloka iktar fondi Ewropej għal dan it-tip ta’ taħriġ.
Qal, “Kellna diskussjoni kostruttiva, biex mhux biss ngħidu li l-ekonomija trid tikber, imma attivament, bħala poltiċi wkoll, naraw l-operat, naraw fiex nistgħu ngħinu lil dawn il-kumpaniji, għax fuq kollox, aktar kumpaniji jaħdmu tajjeb, ħa naraw aktar ħaddiema ta’ kwalità, ħa naraw ekonomija aktar ta’ suċċess.”