Fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati f’Ta Kandja tħabbar li l-korsijiet li jattendu l-ħaddiema fil-korpi dixxipplinati kollha se jkunu akkreditati, jiġifieri li dawn il-korsijiet isarrfu daqs ċertifikat f’livell ta’ A Level.
Waqt konferenza stampa ntqal kif għalkemm il-korpi dixxiplinati kellhom bżonn titjib fl-infrastruttura u t-tagħmir, din l-akkreditazzjoni se tagħti r-ruħ lill-ħaddiema tal-korpi, fosthom il-Pulizija u s-suldati fl-Armata.
Il-Ministu għall-Intern, Byron Camilleri spjega kif dan ifisser li t-taħriġ tal-korpi se jkun aktar organizzat, u b’hekk huwa sodisfatt li qed jara l-akkademija tagħmel dan il-pass storiku.
Stqarr kif dan kien pass ieħor sabiex il-korpi dixxiplinati verament ikollhom dak li għandhom bżonn, u kif it-titjib fil-kundizzjonijiet tal-korpi huwa xhieda kif dan il-Gvern ma jikkuntentax bil-medja.
Qal, “Għal ħafna snin il-ħaddiema mhux biss tħallew bla edukazzjoni u taħriġ kif suppost, iżda anke l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tagħhom baqgħu fl-istess livell. Filwaqt li pajjiżna beda miexi ’l quddiem, il-korpi dixxipplinati tagħna kienu friżati. Aħna għamilna impenn mal-korpi dixipplinati, tajnihom drittijiet aħjar, kundizzjonijiet aħjar u paga aħjar. Qed nagħtuhom anke l-mod kif jitħarrġu sabiex ikunu jistgħu meta jmorru fuq biċċa xogħol ikunu aktar siguri huma u jkunu jistgħu joffru sigurtà aħjar għal ħaddieħor.”
Intant, id-Direttur tal-Istudji fi ħdan l-Akkademja, John Charles Ellul spjega kif din l-akkreditazzjoni se tgħolli l-moral ta’ kull min jigradwa minn dawn il-korsijiet.
Fil-fatt, sostna li bħalissa diġà hemm numru ta’ studenti f’kors akkreditat.
Qal, “Minbarra li akkreditajna l-istituzzjoni allura għandna l-akkademja tal-forzi dixxiplinati hija istituzzjoni akkreditata, akkreditajna wkoll il-kors bażiku ta’ taħriġ tal-Pulizija. Bħalissa għandna tnejn u erbgħin rekluta li għaddejjin b’dan il-kors akkreditat ta’ sitt xhur, kors intensiv li nħoloq għall-bżonnijiet tal-korp skont it-trasformazzjoni bħalissa.”
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet iċ-Chairperson tal-Akkademija, il-Professur Ray Mangion fisser il-pass t’akkreditazzjoni bħala wieħed importanti ħafna għall-akkademija hekk kif il-missjoni tagħha hi li tipprovdi taħriġ professjonali u modern.
Il-Professur Mangion, li kien strumentali biex dan il-proġett ma jibqax mhux fil-karta, qal ukoll li dan it-taħriġ se jsarraf fit-tisħiħ ħolisitiku tal-ħaddiema filwaqt li se jservi f’servizz aħjar lill-poplu.