Bħalissa għaddejin taħditiet bejn uffiċjali mill-Istati Uniti u dawk Russi fl-Arabja Sawdija biex possibilment ikun iffirmat ftehim ta’ paċi fl-Ukrajna.
Dawn qed isiru wara li lbieraħ, inżammu taħditiet separati bejn l-Istati Uniti u l-Ukrajna, li l-Ministru tad-Difiża Ukren iddeskrieva bħala produttivi u ffukati.
Ir-Russja qed issostni li t-taħditiet tal-lum qed jiffukaw fuq is-sigurtà tat-tbaħħir fil-Baħar l-Iswed hekk kif qed tfittex li terġa’ timplimenta il-ftehim tal-qamħ tal-2022.
Din l-hekk imsejħa “inizjattiva tal-Baħar l-Iswed”, jekk tkun implimentata, taf tippermetti lill-Ukrajna li tesporta l-qamħ u r-Russja li tesporta l-fertillizzant.
Iżda l-attakki Russi fuq l-Ukrajna komplew matul il-lejl, bl-Ukrajna tgħid li r-Russi kienu bgħatu 99 drones tal-attakk. Anke l-Ukrajna qed tibgħat drones lejn ir-Russja, bil-militar Russu jiddikjara li kienu interċettaw 28 drone matul il-lejl. L-Ukrajna qalet ukoll li kienet iddistruġġiet erba’ ħelikopters militari fir-Russja.