Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis illejla qal fil-parlament li t-taħdidiet mal-Alitalia dwar is-sħubija strateġika għadhom sejrin, bażati fuq il-parametri li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tibqa’ f’idejn il-Gvern, li l-Air Malta tibqa’ ttir bil-brand eżistenti u li tiġi mħarsa in-network turistika.
Meta wieġeb mistoqsijiet ta’ Mario de Marco, il-Ministru Zammirt Lewis qal li l-Gvern mhux interessat f’soluzzjonijiet proviżorji (quick fixes) kif kienu għamlu amministrazzjonijiet Nazzjonalisti li tilfu ħafna żmien biex isibu partner stateġiku u jsolvu l-problema b’mod permanenti.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-Gvern qed iħares ukoll lejn is-sitwazzjoni li l-Air Malta tibqa’ miexja kif inhi bħalissa, waħedha, u jattwa l-pattijiet li ftiehem mal-ħaddiema f’Awissu li għadda fejn jidħlu l-fessibilità u l-produttività u jagħtihom il-garanziji fil-limiti miftehma. Huwa qal li l-gvern ma jistax iħalli lill-ħaddiema f’qagħda ta’ inċertezza.
Il-Ministru ikkonferema li huwa kien iltaqa’ ma’ persuna li kellha pjan għall-Air Malta iżda wara li stħarreġ dwaru, hu (Dr Zammit Lewis) ma reġax iltaqa’ miegħu.