Matul dawn l-ahhar jiem qamet kontroversja rigward l-introduzzjoni tat-tagħlim tar-reliġjon Iżlamika fl-iskejjel. Qrajt diversi kummenti, uħud razzjali filwaqt li ohrajn patriottici jew saħansitra iżeffnu l-kultura u l-kostituzzjoni fin-nofs, jew ‘għax dejjem għamilna hekk qabel’, kważi ġlieda bejn iż-żewġ reliġjonijijet. Jien kontra din l-introduzzjoni ta’ tagħlim, mhux għax jien kontra l-Iżlam, iżda jien kontra li nibqgħu nagħlmu kwalunkwe reliġjon fl-iskejjel tal-iStat, u dan jinkludi t-tip ta’ reliġjon mgħallem bħalissa. Fl-istess waqt huwa tajjeb li xorta waħda jkun hemm għarfien bażiku tad-diversi reliġjonijiet u twemmin li hawn fid-dinja mhux bħala indottrinazzjoni imma bħala “general knowledge”.
Ma nħossx li l-iskejjel għandhom jibqgħu b’sistema patrijarka fejn l-istudenti huma esposti għall-lezzjoni ta’ reliġjon waħda.
Jien favur li dan is-suġġett ibiddel il-portafoll tiegħu, fejn il-kontenut ikun imqassam fuq perjodi ta’ diversi snin, b’mod progressiv, li jkun immirat sabiex jiżviluppa lill-istudenti għall-ġid tas-socjetà. Dan jista’ jintlaħaq billi jkunu diskussi materji ta’ etika, morali u anki spiritwalità tal-individwu.
Il-lezzjoni tar-reliġjon għandha tinbidel f’wahda li tgħin lill-individwu jiżviluppa fil-hsieb, li jkun kritiku u analtiku filwaqt li kapaċi jgħaraf t-tajjeb ta’ soċjeta’ moderna li kulma tmur dejjem qed tithallat. Irridu niefqu inħarsu lejn pajjiżna, din il-blata, bħala ċ-ċentru, tad-dinja. F’dinja globalizzata u bil-faċilità tal-mobbilta’ tal-persuni, irridu nkunu dejjem lesti biex naħdmu ma’ kulturi differenti. Id-dinja m’hiex komposta minn reliġjon waħda. L-għarfien tar-reliġjonijiet differenti, kulturi u drawwiet tgħin biex issawwar iktar lill-individwu b’mod ħolistiku.
Is-soċjetà Maltija qed tilqa’ fiha diversi kulturi, nazzjonalitajiet u anki Maltin stess li jgħażlu li jgħixu ħajja spiritwali li m’hiex necessarjament marbuta mar-reliġjon Kattolika Rumana. Allura dawn in-nies mhumiex ċittadini tajbin?
Allura lil dawn l-istudenti se ngħidulhom biex joħorġu mill-klassi sakemm issir lezzjoni tar-reliġjon, jew inkella nibgħatuhom fi klassi oħra bhal donnhom għandhom xi haġa inferjuri?
Kull individwu għandu jkollu l-libertà li jgħażel liema triq ta’ twemmin irid isegwi. L-iskola għandha tkun post fejn tgħallem u tgħaqqad lill-membri tas-soċjetà u mhux teskludihom. Ħafna jgħidu li huma kapaċi jittolleraw lil ħaddieħor. Għalija li tittollera mhux biżżejjed. Irridu nitgħalmu nirrispettaw lil xulxin anki fid-differenzi ta’ bejnietna. Hemm differenza bejn kapaċi tittollera għal li tirrispetta persuna.
Nemmen bis-sħiħ fit-tagħlim tar-reliġjon, iżda ma narax li dan għandu jkun id-dover tal-iskola. Ir-reliġjon (tkun liema tkun) għandha tkun mgħallma mill-istituzzjonijiet apposta (bħad-duttrina), fejn l-individwu jkun jista’ jsegwi liema tagħlim spiritwali jrid, abbażi tal-valuri w t-twemmin li jkun iħaddan. Min-naħa l-ohra, l-iskola għandha tiffoka fuq il-materji l-oħra akkademiċi kif ukoll fl-iżvilupp tal-ħsieb, tal-valuri u tal-morali tal-istudenti tagħha.