Dawk kollha li llum jitgħallmu l-Malti mhu se jaraw l-ebda tibdil, u dan jinkludi dawk li jispeċjalizzaw fil-lingwa Maltija fl-istudji tagħhom. Id-diskussjoni se tiffoka fuq li jsir sforz biex il-Malti jintuża minn faxxa ikbar ta’ nies, kemm Maltin kif ukoll barranin. Li se jiġi diskuss mhu se jbiddel xejn milli hemm bħalissa, iżda se joffri rotot ġodda ta’ tagħlim għal dawk li llum il-Malti ma jużawhx.
Ilu jinħass il-bżonn li t-tagħlim u l-assessjar tat-tagħlim tal-Malti jkunu aġġornati biex jirriflettu r-realtajiet soċjokulturali u lingwistiċi li għandna f’Malta. Fl-iskejjel tagħna għandna mhux biss studenti li l-ewwel ilsien tagħhom hu l-Malti, imma bosta studenti oħrajn barranin kif ukoll studenti Maltin li l-ewwel ilsien tagħhom mhuwiex il-Malti. Ma’ dawn hemm ukoll għadd sostanzjali ta’ studenti b’xeħta vokazzjonali li, minkejja li l-ilsien nattiv tagħhom hu l-Malti, l-eżami li hemm bħalissa, billi hu akkademiku biss, mhuwiex adattat għalihom.
Minħabba f’hekk, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jniedi proċess ta’ konsultazzjoni mal-entitajiet ikkonċernati kollha, mal-edukaturi, mal-istudenti, u mal-pubbliku inġenerali biex is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna tibda toffri rotot u korsijiet ta’ studju differenti fit-tagħlim tal-Malti u l-assessjar tiegħu. Hekk inkunu qed nassiguraw li l-ilsien Malti jibqa’ importanti u relevanti għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha tagħna, tkun xi tkun l-ewwel lingwa jew ilsien nattiv tagħhom.
Il-Malti hu wieħed minn erba’ lingwi fl-Unjoni Ewropea li qiegħed fil-periklu li jiddgħajjef fl-era diġitali u kull wieħed minna għandu d-dmir li jsaħħaħ u jxerred iżjed il-Malti.
Li l-Maltin se jistudjaw Malti għall-barranin u li se jitneħħa l-Malti bħala parametru għall-Università huma fost kummenti li ntqalu sa issa, li huma kompletament skorretti u li ma jgħinux f’diskussjoni matura li twassal biex jissaħħaħ il-Malti.
Fil-ġranet li ġejjin se jibdew laqgħat preliminari li se jwasslu għal konsultazzjoni pubblika iktar wiesgħa fiż-żmien li ġej.