It-Tabib Victor Calvagna huwa r-raġel li jinsab f’qagħda kritika wara li t-Tlieta filgħaxija ntlaqat minn karozza fil-Qawra.
Fi stqarrija l-Pulizija kkonfermat il-każ irrappurtat minn ONE News, li għall-ħabta tat-8:30pm fi Triq it-Trunċiera, biswit l-Akkwarju Nazzjonali, kien għadu kif seħħ inċident serju.
ONE News hu mgħarraf li Dr Calvagna, konsulent tat-tfal morda bil-kanċer, kien qed jiġri bħala parti mit-taħriġ li jagħmel, meta ntlaqat minn karozza tat-tip Mazda Demio misjuqa minn raġel ta’ 31 sena minn San Pawl il-Baħar.
Calvagna ta’ 63 sena mill-Mosta ddaħħal l-isptar u għal xi ħin it-triq ingħalqet għat-traffiku.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa Marseann Farrugia li ħatret diversi esperti biex jassistuha.
Intant fuq il-paġna uffiċjali ta’ facebook, Puttinu Cares talab lin-nies biex jitolbu għal Dr Calvagna.
Puttinu Cares qal li hu jemmen li t-tfal fil-ġenna, li kellhom ukoll esperjenza ma’ Dr Calvagna, qed jitolbu għat-tabib biex isalva wara l-inċident serju.
Dr Victor Calvagna huwa l-President ta’ Puttinu Cares.
Permezz ta’ kitba fuq Facebook il-Prim Ministru ta’ Malta innota l-ħidma ta’ tabib Calvagna u qal li għandna nżommuh fi ħsibijietna.