Is-sebgħa ta’ Ġunju tal-1919, tibqa’ mnaqqxa fl-istorja ta’ pajjiżna għal dawk l-erba’ vittmi li tilfu ħajjithom fl-irvellijiet tas-Sette Guigno fil-Belt Valletta.
Iżda dakinhar ta’ dawn l-irvellijiet, Maltin oħra kienu fi Triq Santa Luċija fil-Belt, fejn tlaqqgħet it-tieni laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali.
F’din l-Assemblea Nazzjonali, il-Maltin iltaqgħu sabiex jiddiskutu t-triq ‘il quddiem ta’ pajjiżna, hekk kif pajjiżna kien qed ibati l-faqar u l-Maltin ma segħtux issemgħu leħinhom.
Din l-Assemblea Nazzjonali kienet immexxija mit-tabib tar-ruħ u rispettat minn kulħadd, Dr Filippo Sceberras.
L-Istoriku, Prof. Henry Frendo qal, “Filippo Sceberras kien tabib, gradwa f’Malta, studja Ruma u Pariġi u kien ġej minn familja nobbli, rispettata immens f’Malta. Kien in-neputi ta’ Camillo Sceberras, illi kien wieħed mill-ġellieda għal-libertà tal-istampa f’Malta u għad-dritt tal-vot, flimkien ma’ Giorgio Mitrovich.”
Il-Professur Frendo qal kif l-Assemblea Nazzjonali tlaqqgħet fi żmien fejn id-dinja bdiet tara jikber sens ta’ nazzjonaliżmu.
Huwa sostna: “U xejn inqas f’Malta. F’Malta kienet pajjiż li kien konxju, kellu nies ta’ ċertu edukazzjoni u ċertu spirtu ċiviku u patrijotiku. U meta raw li din il-gwerra li ġiet miġġielda u ntrebħet u spiċċat u baqgħu b’xiber l-imnieħer… tant hu hekk li l-partiti ibbojkotjaw iċ-ċelebrazzjoni tal-armistizzju għax ħassew li ma ħadu xejn.”
L-ewwel laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali ġrat it-Tlieta 25 ta’ Frar tal-1919, fejn hawnhekk il-Maltin qablu li jiktbu lill-Gvern Ingliż sabiex ikollhom kostituzzjoni, li jkunu rappreżentati fiha.
Dr Filippo Sceberras, il-President tal-Assemblea, l-għerq tal-Parlament tal-lum, kien intlaqa’ minn ċapċip kbir mill-Maltin.
Iżda l-Maltin kellhom weġgħat oħra, il-prezzijiet tal-ikel, primarjament il-ħobż wassal għal dwejjaq u sens anti-Ingliż.
Prof. Frendo stqarr: “Il-Gwerra interrompiet il-linja ta’ kommunikazzjoni tat-traffiku tal-baħar, jiġifieri. Allura għollew il-prezzijiet, ħżien il-prodott, il-qamħ ħżien u kellek il-blackmarket, jiġifieri n-nies bdew jinqarsu fil-laħam il-ħaj.”
Dakinhar tas-Sibt sebgħa ta’ Ġunju, qabel it-tieni laqgħa ta’ din l-Assemblea Nazzjonali diversi Maltin minn kull klassi tas-soċjetà telgħu l-Belt.
Hawnhekk seħħew l-ewwel traġedji, hekk kif is-suldti Ingliżi fetħu n-nar fuq il-folla.
Inxtered id-demm u nqatlu Wenzu Dyer, Ġużeppi Bajada u Manwel Attard.
L-għada ta’ din it-traġedja, grupp ieħor ta’ Maltin telgħu l-Belt Valletta, fejn hawnhekk Karmenu Abela weġġa’ gravi, hekk kif intlaqat minn bajonetta u miet ftit jiem wara fl-Isptar Ċentrali tal-Furjana.
Il-Professur Henry Frendo għalaq l-intervista magħna billi qal kif dan l-avveniment kien importanti fl-iżvilupp politiku ta’ pajjiżna.
Huwa tenna: “Malta kienet meqjusa bħala gverta ta’ vapur, jiġifieri meta inti għandek Gvern responsabbli, b’kap tal-Gvern, b’kap tal-Ministeru, b’dekasteri tal-Ministeri, bir-responsabiltà ta’ Ministru kull wieħed, għal Ministru li jista’ jamministra, almenu lokalment, fuq affarijiet ta’ interess lokali u nazzjonali, mingħajr indħil suppost, hemmhekk għandek avvanz konsiderevoli.”
Dak li riedet l-Assemblea Nazzjonali mmexxija mit-Tabib Filippo Sceberras seħħ tassew sentejn wara, fl-1921.
Dan hekk kif l-Ingliżi tawna Kostituzzjoni ġdida, li waslet biex f’Novembru ta’ mitt sena ilu, il-Maltin kellhom il-Parlament tagħhom.