Is-sħana qawwija li qed jesperjenzaw il-gżejjer Maltin, qed iħallu l-effetti negattivi tagħhom fuq l-anzjani tagħna.
L-appell mill-professjonisti mediċi bħalissa huwa wieħed, dak biex l-anzjani jixorbu l-ilma u ma joqogħdux taħt il-qilla tax-xemx.
Ma’ dan l-istazzjon, it-Tabib tal-Emerġenza Dr Michael Spiteri spjega minn bħalissa jaqa’ taħt il-kategorija ta’ vulnerabbli għas-sħana.
Qal, “Dawn it-temperaturi li qed ikollna f’dan il-pajjiż f’dawn l-aħħar ġranet ikollhom effett mhux tajjeb fuq dawk li huma vulnerabbli, dawn huma speċjalment l-anzjani partikolarment dawk b’mobbilità baxxa jew li jbatu minn dimensja u kundizzjonijiet intelletwalli li ma jħalluhomx jieħdu ħsieb tagħhom infushom u anke t-tfal u t-trabi.”
Dr Spiteri qal magħna li fl-aħħar sigħat, fl-Emerġenza bdew jaraw kif is-sħana qed taħkem l-aktar vulnerabbli.
Għalhekk it-Tabib Spiteri żied jispjega li l-qraba tal-anzjani għandhom dejjem jieħdu ħsiebhom u jassiguraw li dawn ikunu f’post frisk.
Spjega, “In-nies u l-qraba li għandhom qraba anzjani li mhux kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom infushom irridu nkunu ċerti li dawn xi ħadd jiċċekja fuqhom ta’ spiss u jkollhom provvista tajba ta’ ilma u li huma kapaċi jixorbu waħedhom u li l-postijiet li jgħixu nżommuhom friski kemm jista’ jkun bħal użu ta’ AC u fannijiet u ventilazzjoni adegwata.”
Intant, l-appell ġie estiż ukoll għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu fuq barra.
Qal, “L-appell tagħna wkoll jestendi għal xogħol fuq barra fejn dawn għandhom ikunu ċerti li jixorbu u kemm jista’ jkun jaħdmu f’kundizzjonijiet li joffru dell.”