Minkejja li f’dawn l-aħħar ġimgħat, pajjiżna rreġistra każijiet għoljin ta’ Covid-19, minħabba l-varjant Omicron li nfirex mad-dinja kollha, m’hemmx pressjonijiet fuq l-isptarijiet f’pajjiżna.
Qal dan it-Tabib Ewlieni tal-Gvern, Dr Walter Busuttil waqt il-programm ONE Breakfast.
Huwa qal kif din il-pressjoni naqqset minħabba raġuni ewlenija, il-vaċċin.
“Waqt li issa s-servizzi għadhom għaddejjin, pazjenti fl-ITU għandna, imma meta tqis li sa ġimgħa ilu kien qed ikun hemm 1,000, 1,400 pażjenti pożittivi kuljum, fl-ITU kellna seba’, tmienja, sitta. Bħalissa għandna tmien pażjenti fl-ITU.”
Dr Walter Busuttil sostna li ż-żewġ dożi tal-vaċċin huma effettivi, imma bħal tilqim ieħor meta jgħaddi ċert perjodu ta’ żmien, l-effett tal-vaċċin jibda jonqos.
Spjega li meta wieħed jieħu d-doża tal-booster il-protezzjoni kontra l-virus tkun iżjed effettiva.
“U aħna nafu li l-booster jgħin biex inaqqas kemm aktar nies jidħlu l-isptar, kemm nies inqas jimirdu, kemm nies aktar jinfettaw lil xulxin, avolja nafu li jkun hemm breakthrough infections, nafu li bil-booster ħa nnaqsu ċ-ċans li jkun hemm infection spread ukoll.”
Dr Busuttil qal li jekk wieħed iqabbel il-proporzjon ta’ nies li qegħdin l-ITU, li ma ħadux il-booster huwa aktar għoli milli dawk li ħadu l-booster. Spjega kif mit-tmien pazjenti li hemm bħalissa fl-ITU, tlieta minnhom ma ħadu l-ebda tilqima u oħrajn li ħadu tilqim, iżda għandhom kumplikazzjonijiet minħabba kundizzjonijiet oħrajn.