Bħalissa f’pajjiżna, qed isir proġett li fih qed jiġu ċċekkjati t-tabelli tal-prodotti li jinbigħu fil-ħwienet tal-merċa u s-supermarkets.
Dan żvelah ma’ One News, Mario Mifsud, id-direttur tal-MCCAA li fisser kif il-laboratorji tal-MCCAA jaħdmu fuq tliet oqsma prinċipali: il-kimika, l-kostruzzjoni u l-inġinerija bil-għan li janalizza l-materjal li jkun qed jintuża f’kull qasam minn dawn.
L-istess laboratorju ħadem fuq proġetti kbar tal-kostruzzjoni fosthom Triq il-Kosta u l-Junction tal-Kappara. Il-ħsieb huwa li fil-futur qrib jittestja wkoll il-konkos u l-asfalt li ser jintużaw fit-tibdil tat-toroq bħala parti mill-wegħda elettorali tal-Gvern li jinvesti seba’ mitt miljun ewro fit-toroq Maltin.
Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, Deo Debattista saħaq fuq l-importanza li t-testijiet ikunu akkreditati biex ikunu ddeterminati l-kompetenza, l-kredibilita’ u l-affidabilità tal-materjali.