Permezz ta’ ħidma kordinata mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, flimkien ma’ entitajiet u awtoritajiet oħrajn tħejja u twettaq pjan ta’ evakwazzjoni sabiex it-38 Malti li nqabdu fit-tensjonijiet li għaddejjin fi Tripli, il-Libja jinħarġu b’mod sigur u jirritornaw lura lejn Malta. Il-kuntatt ma’ dawn il-persuni u l-assistenza bdiet b’mod immedjat.
Fost oħrajn, permezz ta’ dan il-pjan, l-awtoritajiet ikkonċernati mexxew pjan bl-assistenza tal-Forzi tal-Ordni Libjani, li wassal lill-Maltin minn Tripli għal Misurata. Il-Maltin bdew il-vjaġġ tagħhom, il-Ħamis 15 ta’ Mejju, filgħodu, u waslu Misurata kmieni wara nofsinhar. Ma kien hemm ebda diffikultà tul dan il-vjaġġ u l-Maltin rikbu titjira kummerċjali mill-ajruport ta’ Misurata u waslu lura Malta.
L-evakwazzjoni kienet possibbli bil-ħidma tal-Ambaxxatur Malti għal-Libja, Charles Saliba u l-Envoy tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol fil-Libja l-Kurunell Alexander Dalli.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jitlob liċ-ċittadini Maltin biex jevitaw kull tip ta’ vvjaġġar lejn il-Libja f’dan il-perjodu, sakemm jinħarġu struzzjonijiet oħrajn. Dawk il-Maltin li jinsabu l-Libja u jkunu jeħtieġu għajnuna Konsulari għandhom jikkuntattjaw lid-Direttorat għas-Servizzi Konsulari u l-Maltin li Jgħixu Barra, billi jagħmlu kuntatt bit-telefown fuq 22040000 jew permezz ta’ email fuq consular.foreign@gov.mt.
Malta impenjata li tkompli tagħti l-kontribut tagħha sabiex il-Libja u l-Mediterran igawdu mill-istabbiltà, il-progress, is-sigurtà u l-paċi li jixraq liċ-ċittadini f’dan ir-reġjun. Malta qed twettaq ħidma favur il-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà fil-Libja u fil-Mediterran fuq kull livell, fost oħrajn permezz ta’ taħditiet bilaterali ma’ msieħba importanti fil-Libja u fir-reġjun, permezz ta’ ħidma fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll permezz ta’ sehem attiv f’diversi inizjattivi b’rabta ma’ dan ir-reġjun fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda u organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali oħrajn.