Il-Bastiment Sea Watch 3 flimkien mal-bastiment Professor Albrecht Penck – li fuqhom b’kollox hemm disgħa u erbgħin immigrant li ġew salvati – għadhom jistkennu ftit ’il barra mill-kosta Maltija.
Il-bastimenti bl-immigranti ġew interċettati qrib il-Libja ftit qabel il-Milied, u wara li ġew irrifjutati mill-Libja kif ukoll mit-Tuneżija, it-tieni l-eqreb pajjiż, ġew irrifjutat wkoll mill-Italja, li tiġi t-tielet l-eqreb pajjiż qabel Malta.
B’referenza għal dan u għall-kummenti pubbliċi li għamel id-Deputat Prim Ministru Taljan, Luigi Di Maio, fejn qal li l-immigranti kellhom jiddaħħlu f’Malta, il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia, saħaq ma’ One News li l-politiċi taljani qed iwasslu l-messaġġ ħażin lill-poplu.
“Ir-realtà hija qed nirċievu messaġġi differenti, messaġġi differenti minn politiċi prominenti l-Italja differenti u għalhekk wieħed ma jistax jieħu dak illi qed jgħid wieħed mid-deputati Prim Ministru, illi jrid jieħu numru t’immigranti meta għandek deputat Prim Ministru ieħor qed jgħid li ma jrid idaħħal lil ħadd u allura nistennew u naraw x’ser tkun il-pożizzjoni aħħarija tal-gvern Taljan.”
Il-Ministru Farrugia qal li bdew id-diskussjonijiet bejn numru ta’ Stati Membri flimkien mal-Kummissjoni Ewropea sabiex madwar tliet mitt immigrat li ġew salvati fil-ġimgħat li għaddew jiġu rilokati f’pajjiżi differenti, fejn s’issa aċċettaw li jipparteċipaw erba’ pajjiżi flimkien ma’ Malta.
“Għaddejjin diskussjonijiet fi ħdan l-unjoni Ewropea, bil-parteċipazzjoni ta’ Malta biex naraw illi jkun hemm pajjiżi fl-Unjoni Ewropea illi jersqu ‘l quddiem, diġa’ hemm min resaq, imma għadhom ma resqux biżżejjed biex jieħdu u Malta ser tipparteċipa ukoll f’dan it-tqassim t’immigranti, kemm dawk li qegħdin fuq fuq iż-żewġ dgħajjes tal-NGOs u anke l-mitejn u ħamsin immigrant illi filfatt daħlu lejliet l-ewwel tas-sena ġewwa pajjiżna.”
L-Erbgħa li għadda ż-żewġ bastimenti ngħataw permess biex isalpaw u jistkennu mill-maltemp fit-teritorju Malti, fejn pajjiżna qed isostni lil dawn l-immigranti bir-riżorsi meħtieġa.
“Qegħdin jistkennu n-naħa tal-Punent ta’ Malta mill-maltemp, il-Gvern tagħhom l-awtorità lijidħlu viċin l-art ħalli jilqahom il-maltemp illi għaddej bħalissa fl-ibħra ta’ madwar Malta illi qed jingħataw ir-riżorsi t’ikel u l-bżonnijiet tagħhom.”
Il-Ministru temm billi appella lill-pajjiżi ewropej l-oħra għas-solidarjetà.
“Ikun hemm solidarjetà fejn jidħlu l-immigranti illi jaslu fil-pajjiżi Ewropej, ser inkompli ngħafsu flimkien mal-pajjiżi Mediterranji ħalli pajjjiż Ewropej jibdlu r-rotta illi qabdu u jipparteċipaw iktar fis-solidarjetà lejn il-pajjiżi li jkunu għaddejjin minn ċertu problemi nkluż influss t’immigranti ġewwa pajjiżhom.”