Kull sena eluf jagħżlu li jivvjaġġaw biex jingħaqdu mal-familji tagħhom għal żmien il-festi u ħafna oħrajn jieħdu xi vaganza għall-btajjel tal-Milied. B’hekk dan iż-żmien dejjem ikun wieħed impenjattiv għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Din is-sena, madwar 114,000 passiġġier huma mistennijin li jgħaddu mit-terminal bejn il-21 ta’ Diċembru u t-2 ta’ Jannar, bl-aktar ġranet impenjattivi f’dan il-perjodu projettati li jkunu t-23 u t-30 ta’ Diċembru.It-tim tal-MIA għamel minn kollox sabiex ixerred l-atmosfera tal-Milied f’kull kantuniera tal-ajruport. Fil-fatt,it-terminal kollu huwa mżejjen u hemm skeda ta’ attivitajiet relatati ma’ dan iż-żmien ta’ festi, li jistgħu jitgawdew mill-familja kollha.
Il-passiġġieri jistgħu jistennew li jidħlu fl-ispirtu tal-Milied waqt li jkunu fit-terminal, hekk kif f’diversi partijiet tal-ajruport qed jitqassmu l-mulled wine u l-mince pies u ornamenti tal-Milied bħala suvenirs. Barra minn hekk, numru ta’ karattri assoċjati ma’ dan il-perjodu qed iduru mat-terminal biex jgħinu lill-passiġġieri jġorru l-bagalji tagħhom.
Passiġġieri li jkunu jixtiequ jixtru xi rigali qabel ma’ jitilgħu fuq it-titjira tagħhom, għandhom il-possibbiltà li jużaw faċilità ta’ tgeżwir tar-rigali b’xejn, li qegħda fiż-Żona tat-Tluq tal-ajruport. Il-passiġġieri li jkunu ser jitilqu minn Malta huma mfakkrin jiċċekkjaw il-bagalji li jkunu ser itellgħu magħhom fuq l-ajruplan darbtejn qabel jgħaddu mill-iskrining tas-sigurtà, minħabba li huwa possibbli li ċerti rigali jkollhom xi likwidu fihom.
Ta’ min ifakkar ukoll li z-zlazi, il-ġammijiet u l-pates kollha huma meqjusin bħala likwidi. Barra minn hekk, rigali li jkunu ser jinġarru fil-hand luggage ma għandhomx jitgeżwru, minħabba li jista’ jkun li l-uffiċjali tas-sigurtà jiftħuhom sabiex jispezzjonawhom aktar mill-qrib.
It-tim tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jixtieq lill-passiġġieri kollha Milied hieni u vjaġġ lura d-dar mingħajr intoppi.