Bejn id-9 u l-25 ta’ Jannar li ġej se ssir it-13-il edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Owen Bonnici.
Intqal li dan il-festival huwa uniku, li jiċċelebra l-mużika f’postijiet storiċi madwar pajjiżna.
Taħt id-direzzjoni artistika ta’ Kenneth Zammit Tabona, il-festival se jkollu firxa spettakolari ta’ preżentazzjonjiet minn artisti u ensembles distinti f’uħud mill-postijiet l-aktar majestużi ta’ Malta.
Zammit Tabona sostna li s-sena 2025 timmarka t-triċentinarju tal-mewt ta’ Alessandro Scarlatti u għalhekk dan il-festival se jiftaħ bl-oratorju tiegħu La Giuditta, li tonora l-istorja taż-żmien l-eroj bibbliku Ġuditta li assassinat lil Holofernes, li ġiet immortalizzata fl-arti minn Caravaggio, Gentileschi u Boulogne biex insemmu biss tlett artisti.
Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li l-Valletta Baroque Festival għandu importanza kbira għall-pajjiż, kemm għax jgħin biex jippreserva u jippromwovi l-wirt kulturali u artistiku Malti, kif ukoll għax iġib flimkien artisti ta’ kalibru internazzjonali li jesibixxu l-aqwa talent tagħhom f’Malta.
Huwa enfasizza li dan il-festival jagħti ħajja ġdida lil bosta siti storiċi Maltin, u jinħoloq ambjent fejn il-mużika u l-arkitettura jingħaqdu biex joffru esperjenza kulturali unika għall-udjenzi lokali u barranin.
Preżenti għat-tnedija ta’ dan l-avveniment annwali kien hemm iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra u l-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius.