Wara s-suċċess tal-Pink October Bike Ride, dalgħodu f’Birżebbuġa, il-Fondazzjoni Marigold flimkien mal-organizzatur John Bundy tellgħu l-ewwel Movember 4×4 Rally b’rabta mal-kampanja ta’ għarfien dwar il-kanċer tal-prostata – Movember.
Bosta sidien u entuzjastiċi ta’ vetturi 4×4 ngħaqdu f’dan il-vjaġġ flimkien mas-Sinjura Michelle Muscat, liema rotta ser tkun qed tibda minn fejn il-Port Ħieles f’Birżebbuġa u tintemm ġewwa l-Gżira ta’ Għawdex, propju f’Ħondoq ir-Rummien. Fl-attività se jieħdu sehem ukoll il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Korp tal-Pulizija.
Għal din l-attività rreġistraw 190 vettura u l-fondi miġbura ser ikunu qed jintużaw għall-kampanja li ser tqajjem l-għarfien dwar l-irġiel jitilfu ħajjithom minħabba l-kanċer tal-prostata u testikulari.
Kull sena f’Malta jfeġġu madwar 20 każ ta’ kanċer fit-testikoli. Stħarriġ li sar f’Settembru li għadda wera li tnejn minn kull tlett irġiel Maltin m’għandhomx għarfien dwar kif jiċċekkjaw lilhom nfushom għal sinjali ta’ kanċer. Filwaqt li skond stħarriġ ikkummissjonat mill-Fondazzjoni Marigold stess wera li madwar 11,000 raġel Malti kellhom xi forma ta’ mard fit-testikoli tagħhom fosthom kanċer fit-testikoli.