Il-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra ħareġ qatta’ bla ħabel kontra l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u oġġezzjona l-ħatra ta’ Martin Micallef bħala chairman tal-Awtorità tax-Xandir.
Micallef hu gradwat b’Masters fil-Komunikazzjoni tal-Massa u għandu 40 sena esperjenza fl-oqsma tax-xandir lokali u internazzjonali. Dan minbarra li serva bħala Segretarju Ġenerali tal-Kamra tal-Kummerċ tal-Italja f’Malta.
Għall-PN dan mhux biżżejjed u mingħajr ebda rikonoxximent lejn il-kontribut li kapaċi jagħti Micallef, sejjaħ il-ħatra “irresponsabbli” u bagħat stqarrija mimlija bl-istess attakki kontra l-Prim Ministru li l-Partit Nazzjonalista ilu jirreppeti.
B’hekk l-Awtorità tax-Xandir tingħaqad mal-lista ta’ istituzzjonijiet indipendenti li l-partit ta’ Simon Busuttil qed jattakka. Fl-istess lista hemm l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat Ġenerali nnifsu, li Simon Busuttil semmieh nhar il-Ħadd li għadda u qal li ‘ma jafx x’kulur hu’.
Hemm ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija, li ma jgħaddiex jum li ma jsibx ruħu fil-propoganda negattiva tal-Partit Nazzjonalista.