Twaqqaf l-istitut għas-servizzi pubbliċi, bi ftehim bejn is-servizz pubbliku, l-Università ta’ Malta u l-MCAST.
Dan il-ftehim jgħaqqad ħidmet iż-żewġ istituzzjonijiet edukattivi u ċ-Ċentru għall-iżvilupp, Riċerka u t-Taħriġ.
L-għan ta’ dan l-Istitut ġdid hu li jkunu ddeterminati miri ċari għall-kwalità fit-taħriġ. Barra minn hekk, jiġu offruti korsijiet li jmorru id f’id mal-istrateġija tal-amministazzjoni.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat, li tkellem dwar il-bżonn li tinbidel il-mentalità dwar is-servizz pubbliku.
Qal dan l-investiment għandna naħsdu l-frott tiegħu fil-futur qrib u spjega li għall-ewwel sena nħareġ rapport li permezz tiegħu s-servizz pubbliku jagħti rendikont lill-Awdituri Ġenerali.
Il-Prim Ministru fakkar li dan il-Gvern naqqas il-burokrazija għal min irid jiftaħ negozju u li minkejja li l-miri kienu ambizzjużi ħafna xorta waħda sar titjib f’dan l-aspett. Fakkar li t-taħriġ iwassal għall-avvanz fil-karriera u permezz tiegħu jingħata servizz aħjar.
“Tħallu lil ħadd jgħid li hawn nies żejda, nemmen li l-maġġoranza tan-nies fis-servizz pubbliku huma nies ta’ rieda tajba u li jagħmlu x-xogħol tagħhom b’dedikazzjoni” kien il-parir tal-Prim Ministru. Dan fid-dawl tal-proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista lill-imsieħba soċjali, li fihom ipropona li għandhom jitkeċċew il-ħaddiema tal-Gvern.
Il-Prim Ministru temm billi qal li fis-servizz pubbliku jeħtieġu nies bit-taħriġ neċċesarju, li jwasslu għall-aqwa tobba, infermiera u għalliema, fost oħrajn.