“Istħi jekk taħseb li wara li vvutajt lill-Partit Laburista għandi bżonn niġi rijabbilitat.” Dan kien is-sentiment tal-eks ġurnalist tal-midja tal-Partit Nazzjonalista John Busuttil, wara li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li biex jilqa’ lura nies li telqu mill-Partit fil-passat iridu jirrijabilitaw rwieħhom.
Fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, Busuttil indirizza direttament lil Bernard Grech u qallu li jmissu jistħi talli qed iqabblu ma’ “drogat jew kriminal”, u li għax mar mal-Partit Laburista għandu bżonn ikun rijabbilitat.
Qallu li dan minflok jitlob skuża f’isem nofs il-partit talli fil-passat kissru kull ma kien jemmen fih. Huwa kompla jinnota kif dawn l-istess persuni li tant għamlu ħsara lill-Partit li kien jappartjeni għalih, illum għadhom imexxu huma.
Busuttil temm jgħid li huwa l-Partit Nazzjonalista li għandu jirrijabilita ruħu u mhux hu li fil-Partit Laburista baqa’ jħossu komdu.