Il-Kap tal-Oppożizzjoni qabeż għal Roberta Metsola, li kienet marret Iżrael u wara ġiet ikkritikata ferm internazzjonalment għall-pożizzjoni tagħha fejn żbilanċjat ruħha fil-kuntest tal-Gwerra f’Gaza.
Fil-Parlament, wara l-istqarrija ministerjali li għamel il-Prim Ministru dwar il-Kunsill Ewropew staordinarju tal-1 ta’ Frar, Bernard Grech kien pront jiddefendi l-pożizzjoni ta’ Metsola dwar Iżrael.
Robert Abela tkellem b’mod ċar dwar dan u nnota kif, wara, Metsola pprovat tiġbor ġieħha, anke minħabba l-fatt li bdiet tiffaċċja protesti u tiġi akkużata li kienet qed tiffaċilita ġenoċidju.
Il-Prim Ministru qal, “X’kien ifisser il-messaġġ tal-preżenza f’Iżrael proprju ftit tal-ħin wara s-7 ta’ Ottubru fehmu kulħadd. Tant kemm ġie miftiehem dak il-messaġġ li mbagħad, min bagħat il-messaġġ, beda ftit ftit jirtira minnu.”
L-għajjat u l-interruzzjonijiet min-naħa tal-Oppożizzjoni ma naqsux fis-seduta Parlamentari.
Grech qal, “Jekk hu hekk, imissek tistħi u rtiraha.”
L-għajjat tal-Oppożizzjoni kien ukoll meta l-Prim Ministru wieġeb dwar l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-fjuwil u l-enerġija għal kulħadd. Dr Abela fakkar kif kien il-Kap tal-Oppożizzjoni li baqa’ jsostni li jekk il-prezzijiet tal-enerġija jogħlew barra, jogħlew f’Malta wkoll.
Dwar is-settur tal-biedja, il-Prim Ministru kompla jfakkar l-għajnuna li ta l-Gvern fi skemi u inċentivi u nnota wkoll fatt li l-Avukat ta’ Bernard Grech hu l-istess wieħed li jiżgombra l-bdiewa mir-raba’ tagħhom.
Il-Prim Ministru żied ukoll li l-ewwel sentenza li ngħatat kontra bidwi kienet proprju saret minn avukat tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-istess seduta nfexx b’għajjat anke d-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
U għal dikjarazzjoni oħra tal-Kap tal-Oppożizzjoni, pronta kienet it-tweġiba tal-Prim Ministru.
Qal, “L-ewwelnett nirringrazzja li rrikonoxxa li din in-naħa għamlet improvement. Sfortunatament ma nistax ngħid għalih.”