It-Tnejn kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Jeremie Camilleri, li huwa akkużat bil-qtil ta’ Pelin Kaya fit-18 ta’ Jannar li għadda fil-Gżira.
Fost ix-xhieda kien hemm uffiċjal tar-Rapid Intervention Unit, li rrakkonta kif, malli wasal fuq il-post, Camilleri kien diġà mmanettjat u qed jiġi kkurat mit-tim mediku fuq il-post.
L-uffiċjal qal li mill-ewwel issuspetta li l-akkużat kien taħt l-effett tad-droga.
Meta kien mistoqsi dwar l-imġiba ta’ Camilleri, l-uffiċjal stqarr li kien kostantament aggressiv fil-konfront tal-Pulizija u l-mediċi, x’ħin beda jipprova jqum u jattakka lil kulħadd.
L-uffiċjal qal li saħansitra pprova jneħħi l-manetti minn ma’ jdejh biex jiġġildilhom.
B’hekk, intuża t-taser fuq Camilleri, wara li stqarr li ma jiftakarx min huma l-Pulizija biex ifittxhom wara.
L-uffiċjal stqarr ukoll li l-imġiba ħażina tal-akkużat kompliet sal-kamra tal-emerġenza, fejn beda jiġġieled mat-tobba filwaqt li xi infermiera kienu suġġetti wkoll għal abbuż razzjali min-naħa ta’ Camilleri.
Huwa rrifjuta wkoll li jkellem lil uħud mill-istaff mediku li kienu qegħdin jikkurawh.
L-uffiċjal tal-RIU xehed ukoll li, flimkien ma’ tabib, kellu jgħid b’dak li kien ġara lis-sieħeb ta’ Kaya, li kien għadu kif jasal Malta minn Istanbul biex iqatta’ għeluq sninha magħha f’Malta.
Fil-Qorti nstema’ kif is-sieħeb tagħha ma jafx jitkellem Ingliż tajjeb u ħabiba tal-vittma ttraduċiet dak li bdew jgħidu l-Pulizija wara li s-sieħeb ta’ Kaya għaddielhom il-kuntatt tagħha.
Intant, rappreżentant ta’ Transport Malta ikkonferma li l-akkużat kien qiegħed isuq BMW X6 fl-inċident u li l-vetura kienet irreġistrata fuq ommu.
Rappreżentant tal-LESA ppreżenta ritratt mill-ispeed camera tal-Birkirkara-Ħamrun bypass fis-sigħat bikrin tal-filgħodu, meta Jeremie Camilleri qala’ ċitazzjoni minħabba sewqan eċċessiv.
Il-każ ġie aġġornat għax-xahar id-dieħel.