Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qiegħed taħt pressjoni kbira, inkluż internament.
U l-akkademiku u preżentatur fuq NET Television, George Vital Zammit, qal li jaf wasal iż-żmien li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jersaq għal vot ta’ fiduċja.
Fil-programm XTRA fuq ix-xandir nazzjonali, Vital Zammit, tkellem dwar kif bit-tielet Kap fi tmien snin, il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jsibha diffiċli biex imexxi ’l quddiem l-ideat tiegħu.
Qal, “Mhux neċċesarjament il-Kap qed ikollu s-saħħa biżżejjed. Biex imexxi l-partit fejn jixtieq hu, hu min hu.”
Kien hawn li Vital Zammit tkellem dwar l-għażliet li jkollu l-Kap tal-partit f’mumenti bħal dawn, bil-preżentatur Saviour Balzan ikompli jistaqsi għaliex jaħseb li Bernard Grech ma jieħux dan il-pass.
Qal, “Naħseb li wasal iż-żmien jekk hemm bżonn li kap ta’ partit iressaq kunsill ġenerali, dawn huma l-ideat tiegħi, se nerġa’ nitlob vot ta’ fiduċja fiha nnifsi.”
Riċentament Bernard Grech kellu saħansitra jibla’ kliem li qal pubblikament għax ma sabx l-appoġġ tal-grupp parlamentari fuq diversi temi.
Agħar minn hekk, rapporti fil-midja indikaw ġlied intern li mar lil hinn mis-suġġetti diskussi fil-grupp parlamentari.
Mario Thomas Vassallo, akkademiku wkoll, ikkummenta hekk fil-programm XTRA.
Qal, “L-ikbar problema li l-Partit Nazzjonalista maqsum ideoloġikament u toqogħdux tgħidlu mrewħa jew mużajk, għax il-mużajk kollu xquq u hemm konsenturi hemm.”
Fi kliem Zammit, l-għażliet ħafna drabi jiġu b’konsegwenzi.
Iżda, hu x’inhu, l-problema qiegħda hemm.
Qal, “Jekk il-PN qed jeleġġi kap u mhux jirnexxilu jpoġġi l-merħla warajh, dik kull darba qed tinħoloq problema.”