Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Agius Mamo, sostniet l-importanza tas-sussidji tal-Gvern biex jagħmlu tajjeb għall-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija.
Hi għamlet dan hekk kif kienet qed twieġeb mistoqsijiet waqt il-programm XTRA fuq TVM, b’rabta mal-aħħar żviluppi f’pajjiżna li jolqtu lin-negozji, inkluż is-sussidji li l-Gvern ilu joħroġ mill-bidu tal-kriżi Ewropea kawża tal-Gwerra fl-Ukrajna s-sena l-oħra.
Fil-fatt, Agius Mamo tenniet li kieku l-Gvern ma daħalx b’dawn is-sussidji, l-inflazzjoni ta’ pajjiżna kienet tkun sew ’il fuq mill-medja Ewropea.
Abigail Agius Mamo: “Fil-fatt, għalhekk Malta rnexxielha ħafna miż-żmien tkun taħt l-average tal-bqija tal-Ewropa fejn tidħol l-inflazzjoni għax proprjament kellna dawn is-sussidji li kienu importanti ħafna.”
Saviour Balzan: “Ejja għall-mument nimmaġinaw li ma kienx hemm sussidji, x’kienet tkun is-sitwazzjoni?“
Abigail Agius Mamo: “Konna nkunu ’l fuq mill-average.”
Kompliet tgħid li fil-fatt, kien ikollna diffikultajiet kbar.
Saviour Balzan: “Lil hinn mill-aspett numeriku, kien ikollna kriżi kbira mhux hekk?“
Abigail Agius Mamo: “Kien ikollna diffikultajiet kbar.”
Agius Mamo sostniet dan hekk kif fl-aħħar Baġit, li tħabbar għall-2024, il-Gvern alloka €350 miljun oħra favur aktar sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija, minbarra għadd ta’ miljuni oħrajn fl-2022 u din is-sena.
B’din il-miżura, il-Gvern b’kollox se jkun nefaq qrib id-€931 miljun fuq perjodu ta’ tliet snin fuq sussidji biss favur aktar stabilità fil-prezzijiet tal-enerġija.
B’riżultat ta’ dan, l-intrapriżi Maltin u Għawdxin, fl-aħħar sentejn, iffrankaw kważi €370 miljun mill-kontijiet tal-enerġija fl-aħħar sentejn, grazzi għal din id-deċiżjoni mill-Gvern.
Malta kienet l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea kollha li ma żiedx tali prezzijiet, waqt li kien għall-Oppożizzjoni Nazzjonalista, jekk il-prezzijiet jogħlew minn barra, allura kellhom jogħlew ukoll f’pajjiżna.