Il-laqgħa dwar it-tibdil fil-klima, dik tal-COP28 f’Dubaj kienet waħda pożittiva, hekk kif fil-bidu ta’ din il-laqgħa kien hemm qbil dwar il-Lost and Damage Fund, li jfisser kumpens għall-pajjiżi milquta mill-għargħar, sħana estrema u nixfa qawwija.
Dan ġie sostnut mill-Ambaxxatriċi Maltija għat-Tibdil fil-Klima, il-Professur Simone Borg, f’kumment ma’ ONE News, ġurnata wara d-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela fil-COP28.
Il-Professur Borg sostniet il-messaġġ ta’ pajjiżna x’inhu dwar dan is-suġġett u l-importanza tiegħu.
“Il-fatt li l-pajjiżi qablu dwar il-Lost and Damage Fund hija pass kbir immens. Jiġifieri hawn sens ta’ pożittiviżmu kbir għax hija xi ħaġa li ħa toħodna ’l quddiem tassew. Fil-fatt jitkellem fuqha l-Prim Ministru fil-messaġġ tiegħu. Il-messaġġ ta’ Malta huwa dejjem wieħed li aħna b’sapport kbir lill-gżejjer żgħar, il-pajjiżi l-aktar vulnerabbli għal din il-bidla għall-ġlieda fit-tibdil fil-klima.”
Il-Professur Simone Borg sostniet li kif pajjiżna ħa bosta azzjonijiet fl-aħħar snin, u anki għal quddiem, Malta se tieħu azzjonijiet konkreti wkoll.
“Hija xi ħaġa li aħna fl-esperjenza tagħna, anki bħala pajjiż qed nitgħallmu, learning by doing things, kif ngħidu. Jiġifieri għad baqa’ xi jsir. Imma kuntenti wkoll għal dak kollu li ksibna matul dan l-aħħar qisu 12-il sena. B’mod partikolari għandna l-aspetti li ffukajna fuqhom hija l-enfasi fuq l-enerġija rinovabbli fejn irridu mmorru. Il-Prim Ministru tkellem ħafna fuq il-potenzjal fuq l-off-shore renewable energy source.”
Il-Professur Simone Borg tkellmet ukoll dwar l-indiċi li tgħin gżejjer żgħar jidentifikaw ir-riskji tagħhom minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima.
B’Malta se tiffinanzja dan biex tgħin lil dawn il-pajjiżi żgħar jilqgħu għal dawn l-effetti.
“Qed niżvilluppaw Multilateral Vulnerability Index, li qed jgħin lil pajjiżi ż-żgħar b’mod partikolari, nidentifikaw x’inhuma l-ikbar riskji tagħhom għall-bidla fil-klima. Huwa f’dan li ħa nitgħallmu aħna wkoll għaliex aħna wkoll għandna ċerti riskji. Naħseb ukoll il-messaġġ tagħna li Malta fis-snin li għaddew irduppjat il-kontribut biex tgħin lil pajjiżi ż-żgħar f’pajjiżi vulnerabbli b’mod anki finanzjarjament.”