Is-sinjali kienu evidenti. Abby Landy kienet qed tesperjenza diversi sintomi u apparti minn hekk irċeviet messaġġ mingħand eks-maħbub li kien jgħid “Nispera li tibqa’ tiftakarni għal dejjem.”
Minn hemm hi marret għand tabib, fejn qalilha li ċ-ċans li tieħu l-HIV kien baxx, meta wieħed iqis li kellha relazzjonijiet mas-sess oppost u li tgħix l-Awstralja.
Kien wara dan l-appuntament li hi marret id-dar, xegħlet il-kompjuter u wara tfittxija indunat li x’aktarx hi kellha l-HIV.
Il-Ħamis li għadda ġie mmarkat l-Jum Nazzjonali għal-Nisa li jgħixu bl-HIV, fejn f’dan il-jum din it-tfajla li għandha 28 sena rrakkontat dawn il-mumenti vera koroh li kellha tgħaddi minnhom propju ħames snin ilu.
Hi qalet li ħames snin ilu, wara li bdiet relazzjoni ġdida, bdiet tħossha ta’ spiss ma tiflaħx u mhux f’saħħa tajba.
“Wara diversi testijiet qaluli li m’għandi xejn iżda ma kontx konvinta. Wara li għidt lit-tabiba x’kien qalli l-eks maħbub, ordnat test ieħor u tlett ijiem wara rċevejt messaġġ biex immur inkellem lit-tabiba,” irrakkontat Abby.
Kien dakinhar li hi ngħatat l-aħbar li kellha l-HIV, aħbar li ma ħallieta mingħajr kliem.
It-tabiba spjegatilha li permezz ta’ pilloli li tieħu kuljum, hi se tkun qed tgħix ħajja kważi normali, dan wara nkwiet kbir li kellha fejn ħasbet li kienet se tmut mil-lum għal għada.
Wara din l-esperjenza li ħallitilha marka fuq ħajjitha, Abby iddeċidiet li tibda titkellem biex tqajjem kuxjenza dwar il-fatt li għadd ta’ nisa jiġu dijanjostikati ħażin mit-tobba.