Nhar il-Hadd 8 ta’ Jannar il-klabb ta’ Agones SFC organizza l-ewwel tellieqa tal-Eurosport Adidas ‘Terrex’ Trail Running League ġewwa Wied Qirda, limiti ta’ Haż-Żebbuġ.
Numru rekord ta’ parteċipanti (165 atleta) ġera madwar it-trejqat u l-mogħdijiet tal-wied, qalb zkuk tal-qasab, ġebel u għadajjar mimlija tajn, li għamlu din il-ġirja aktar teknika u nteressanti.
L-atleti għaddew ukoll maġenb żewġ postijiet storiċi u ikoniċi tal-wied, ‘Il-Qabar tas-Sinjura’ u l-kappella ‘Tal-Visitazzjoni’ tas-Seklu 17.
Il-ġirja ntrebħet minn Darren Sultana tal-klabb DsportsLab, segwiet minn Luke Cauchi ta’ The Club u Kevin Zammit ta’ Libertas.
Fuq il-podium tan-nisa spiċċat fl-ewwel post Jemima Farley tal-Ladies Running Club. Fit-tieni post daħlet Yasmine, filwaqt li t-tielet post ntrebaħ minn Katrina Cuschieri ta’ the Warehouse Club.
Il-kampjonat ikompli nhar il-Gimgħa 3 ta’ Frar ġewwa Ħal-Saptan, għal ġirja oħra din id-darba bil-lejl.