Ġiet fi tmiemha laqgħa f’Kastilja bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat, dak tal-Olanda Mark Rutte u tal-Islovakja Robert Fico.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru Muscat sejħilha laqgħa ‘estremament produttiva’ u qal li ddiskutew aġenda li ġġib għaqda fost ċittadini Ewropej.
Fost oħrajn iddiskutew suġġetti bħal Brexit u l-migrazzjoni, u kien innotat li bejn it-tliet pajjiżi hemm ħafna aktar komuni milli wieħed jaħseb. Waqt il-presidenza Maltija, qal Muscat, pajjiżna se jibni fuq il-fondazzjonijiet sodi tal-presidenza Slovakka, li qed titgħallem mill-problemi tal-passat u mhux tinjorahom.
Il-Prim Minsitru Olandiż Mark Rutte qal li hemm bżonn konċentrazzjoni fuq il-ħolqien tal-impjiegi, il-protezzjoni taċ-ċittadini u s-sigurtà. Fejn jidħlu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi diġa’ sar ħafna iżda għad fadal ferm iktar xi jsir. Qal ukoll li fejn tidħol il-migrazzjoni, hemm bżonn limitu fl-ammont ta’ nies li jaslu fl-Unjoni u hemm bżonn li tkun żgurata aktar protezzjoni f’reġjuni minn fejn ikunu ġejjin dawn il-persuni.
Robert Fico, Prim Ministru Slovakk, ikkonferma li l-laqgħa kienet waħda kostruttiva ferm u apprezza li kulħadd ihoss li l-immigrazzjoni huwa s-suġġett li jifred lill-Unjoni Ewropea. Qal li t-tliet pajjiżi li se jkollhom f’idejhom il-Presidenza jinsabu lesti politikament biex jaffaċjaw diviżjonijeit li l-UE qed issib ma’ wiċċha.
Din kienet l-ewwel laqgħa ta’ dak magħruf bħala t-trio tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li se tkun saret f’Malta, qabel ma pajjiżna jieħu f’idejh il-Presidenza f’Jannar li ġej.
Skont it-Trattat ta’ Lisbona, it-trio jfassal l-għanijiet u l-aġenda komuni dwar id-diversi suġġetti li jridu jiġu indirizzati mill-Kunsill fuq medda ta’ sena u nofs. Skont dan il-programm kull wieħed mit-tliet pajjizi tat-trio jipprepara l-programm dettaljat fuq medda ta’ sitt xhur.