ONE News hu informat li għaddejja tfittxija għal raġel li seta’ kien involut mas-sejba makabra t-Tnejn waranofsinhar ta’ katavru mqatta’ ta’ raġel li għadu mhux identifikat.
Jirriżultalna li l-investigazzjonijiet wasslu lill-Pulizija għal ħanut fin-Naxxar fejn is-suspettat seta’ xtara mannara, li wkoll setgħet kienet l-arma tad-delitt.
Aktar kmieni, ONE News ukoll żvela kif il-katavru, li nstab fil-bagalja fil-baħar f’Tas-Sliema t-Tnejn waranofsinhar, li jista’ jkun hu ta’ raġel bejn l-erbgħin u ħamsin sena, li kellu xi diżabilità.
Mas-sejba makabra, l-investigaturi ma eskludewx li l-vittma seta’ kellu problema ta’ mobilità għall-mod kif instabu s-saqajn.
Minkejja dan, mill-awtopsja li saret fuq il-katavru li tmexxiet mit-Tabib Mario Xerri, irriżulta li l-istonku tiegħu kien mimli droga.
It-Tnejn għall-ħabta tas-1:30 p.m. il-Pulizija kienet waslitilha l-informazzjoni li kien hemm bagalja suspettuża fil-baħar ’il barra mix-xatt ta’ Tas-Sliema. Meta waslu fuq il-post huma sabu x-xena makabra bil-fdalijiet imqattgħin tal-katavru.
Waqt li, għall-ewwel kien mifhum li nstabu biss ras ta’ persuna u l-parti ta’ fuq minn ġisimha, issa jirriżulta li s-saqajn u l-idejn kienu wkoll fl-istess bagalja, imma midfunin taħt.
Il-fdalijiet li nstabu ma juru l-ebda sinjali ta’ dekompożizzjoni u allura hu maħsub li r-reat seħħ fl-aħħar jiem.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin, biex tiġi stabbilita l-identità tal-vittma u jiġu determinati ċ-ċirkostanzi tal-każ. Il-Maġistrat Dr Ian Farrugia qed imexxi l-inkjesta fil-każ.
Aqra aktar