Id-dilettanti tat-tiġrijiet tat-trott il-Ħadd waranofsinhar żgur li kienu qed isegwu l-programm li sar Vincennes Pariġi hekk kif inġriet it-98 edizzjoni tal-Prix d’Amerique. Filfatt madwar 450 Malti fi tmiem din il-ġimgħa għażlu li jmorru Franza sabiex jassistu għal din l-aqwa tiġrija tad-dinja.
Ir-rebħa ħadieta id-debba Belina Josselyn li kienet qed tibda bħala favorita sabiex Jean Michel Bazire ħa dan l-unur ir-4 darba bħala sewwieq u t-2 darba bħala trainer. L-aħħar darba li dan l-unur mar għand debba kien 20 sena ilu meta Moni Maker ukoll kienet misjuqa minn Bazire.
Malta sar programm ta’ 7 tiġrijiet tat-trott fuq distanza ta’ 2140m bit-tiġrija tal-premier tara żewġt t’iżwiemel ta’ l-istess sid jidħlu fl-ewwel żewġ postijiet bir-rebħa tmur għand Ultra de Vindecy misjuq għall-ewwel darba minn Rodney Gatt. Gatt jidher li ħa jkompli fejn ħalla s-sena l-oħra hekk kif rebaħ żewġ tiġrijiet oħra fl-istess programm fi klassi Gold G.G.’s Magic Dream u klassi Silver Tide Water fejn it-tnejn li huma kienu qed jirreġistraw l-ewwel rebħa f’Malta għall-ewwel darba misjuqa minn Rodney Gatt.
Żewġ tiġrijiet oħra tal-klassi Silver raw rebħiet ta’ Wellington misjuq minn Nathaniel Barbara u Ariana Trojborg li ħadet l-ewwel rebħa tagħha għall-ewwel darba misjuqa minn Charles Camilleri.
Bella de la Voire rebħet għall-ewwel darba misjuqa minn Clint Vassallo fi klassi Bronze filwaqt li Casper du Valo ħareġ rebbieħ fi klassi Copper misjuq miż-żagħżugħ Kurt Agius.