Wara nuqqas ta’ sentejn ħabba l-pandemija tal-COVID 19, reġgħet ittellgħet il-Parata Annwali tal-Iscouts u l-Girl Guides.
F’din il-parata ħadu sehem ‘l fuq minn erbat elef persuna u kollox beda minn fuq il-Fossos tal-Furjana, hekk kif ġiet iċċelebrata quddiesa mill-Isqof Ġorġ Frendo fl-Istitut Kattoliku.
Sean Bartolo, Kummissarju għall-attivitajiet Nazzjonali tal-Iscouts jispjega x’ġara l-Ħadd filgħodu.
Bartolo stqarr, “Hawnhekk din il-ġurnata tkun mistennija mill-iscouts u l-guides ta’ Malta kollha għaliex fiha qed nuru ċelebrazzjoni tal-iscouts u l-guiding f’Malta għax qed niffurmaw parti minn xi ħaġa dinjija.”
Il-Parata kompliet mat-toroq tal-Belt Valletta, fejn il-qofol tagħha kien quddiem il-Palazz tal-President fejn ingħata s-salut lill-President ta’ Malta George Vella. Din il-Parata spiċċat quddiem il-berġa ta’ Kastilja.
Louisa Grech mill-Girl Guides tispjega l-irwol tal-Girl Guides fil-formazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Hi rrimarkat, “Bħala girl guides aħna naħdmu aktar fuq advocacy u fuq il-ħolistiku kollhu fejn naħdmu fuq diomestic violence u mental health issues fost oħrajn, biex inrawmuhom minn mindu jkunu żgħar sabiex jgħixu f’ħajja diversifikata.”
Il-Parati annwali ssir fl-eqreb Ħadd mal-Festa liturġika ta’ San Ġorġ Martri, dan minħabba lill-istess qaddis hu wieħed mill-Patruni tal-Iscouts u l-Girl Guides.