F’temp mill-isbaħ dalgħodu fil-Belt Kapitali saret il-parata tal-iscouts u l-girl guides. Din il-parata hija appuntament ta’ kull sena fejn diversi membri tal-iscouts u l-girl guides iltaqgħu fuq il-Fosos tal-Furjana, li kien il-punt tat-tlugħ ta’ din il-parata.
Min hemmhekk il-gruppi għaddew minn Triq ir-Repubblika u x’ħin waslu fi pjazza San Ġorġ, sellmu b’salut lill-Aġent President Anġlu Farrugia flimkien ma’ bosta mexxejja oħra tal-iscouts. Huma kienu akkumpanjati wkoll mill-Ministru Clifton Grima.

ONE News mar fuq il-Fosos tal-Furjana ftit mumenti qabel ma’ bdiet, u staqsa xi tfisser għalihom din il-parata. Julian Zerafa, bandist mill-għaqda tal-iscouts tal-Fgura, saħaq li wara xhur ta’ prattika bla waqfien waslet il-ġurnata fejn juru l-kapaċità tagħhom.
“Li inti turi l-grupp tiegħek u anke turi li tagħmel parti mill-isbaħ organizzazzjoni li hawn f’Malta fil-volontarjat, tagħti ċ-ċans lit-tfal biex joħorġu barra fil-pubbliku. Qed jidher l-iscouts u forsi tħeġġeġ iżjed nies biex jidħlu.”
Julian Zerafa – Bandist mill-Iscouts tal-Fgura
Tkellimna wkoll ma’ Josephine Pace, membru tal-girl guides ta’ Raħal Ġdid u spjegat l-impenn tal-guides biex jgħinu lil membri tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
“Il-girl guides jgħin, l-ewwel nett aħna nagħmlulhom ħafna life skills jiġifieri minn meta jkunu żgħar sakemm jikbru. Li jkollok tfajliet illi kienu miegħek meta kellhom ħames snin u għadhom hemm, issa ta’ sbatax, tmintax-il sena dik hija xi ħaġa sabiħa u tajba.”
Josephine Pace – Membru tal-Girl Guides