Fi Pjazza San Ġorġ saret il-parata ta’ Jum ir-Repubblika.
L-ewwel li wasal fuq il-post kien il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, Clinton O’Neil.
Wara wasal il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ martu Lydia u hawnhekk indaqq l-ewwel tmin battuti tal-Innu Malti.
Imbagħad waslet il-President Myriam Spiteri Debono, flimkien ma’ żewġha Anthony. Hawnhekk indaqq l-innu Malti u wara spezzjonat il-gwardja tal-unur.
Wara segwiet il-parata minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, bis-sehem tal-banda tal-Forzi Armati, fejn daqqa mużika ta’ ċelebrazzjoni fl-okkażjoni tal-ħamsin sena Repubblika.
Qabel saret quddiesa pontifikali fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Din il-quddiesa kienet ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna.
Huwa qal li fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju ta’ Malta Repubblika, għandna niċċelebraw il-kisbiet li saru.
Il-Monsinjur Scicluna semma kif ir-rata tat-twelid f’Malta hi baxxa u hawnhekk faħħar l-inċentivi tal-Gvern, li ġew imħabbra fil-baġit għas-sena d-dieħla.