Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ospita l-laqgħa annwali tal-Ambaxxaturi u l-Konsli Onorarji ta’ Malta f’pajjiżna, li mhux biss irrikonoxxiet l-irwol tagħhom, imma anki serviet ta’ pjattaforma biex jiġu diskussi l-kisbiet li saru u l-impenji prospettivi għaż-żmien li ġej.
Il-Ministru Ian Borg enfasizza r-rwol kruċjali tal-Ambaxxaturi u l-Konsli Onorarji biex jinżammu l-aqwa relazzjonijiet diplomatiċi fil-promozzjoni tar-rabtiet kummerċjali u kulturali, u fl-għoti tas-servizzi konsulari madwar id-dinja.
Stqarr, “Matul dawn il-jumejn kien hawn diskussjonijiet, mistoqsijiet, informazzjoni, kif nistgħu ntejbu r-rappreżentanza Maltija lil’hinn minn xtutna kemm fuq livell politiku imma anki minħabba li l-Ministeru għall-ewwel darba għandu fi ħdanu wkoll il-Kummerċ, allura kif nistgħu nżidu l-kummerċ bejn il-pajjiżi rispettivi.”
Matul dawn il-laqgħat, il-Ministru Borg ħabbar kif fiż-żmien li ġej, Malta se tissottometti b’mod uffiċjali l-applikazzjoni tagħha biex tissieħeb fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp, u enfasizza l-benefiċċji li din tista’ ġġib magħha għall-politika internazzjonali u l-promozzjoni ta’ aktar opportunitajiet.
Il-laqgħa ntemmet b’impenn li jiġu avvanzati l-interessi ta’ Malta fix-xena globali u tkompli titrawwem kollaborazzjoni ma’ msieħba internazzjonali.