Ittellgħet il-konferenza annwali tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali l-ANSEK, li preżenti għaliha kien hemm is-Segretarji Eżekuttivi tal-kunsilli lokali u reġjonali u stakeholders tal-kunsilli lokali.
Għal din il-konferenza kien hemm preżenti ukoll uffiċjali għolja mill-organizzazzjoni għall-kapijiet amministrattivi fil-qasam tal-Gvern Lokali madwar l-Ewropa, kif ukoll kapijiet amministrattivi minn bosta pajjiżi Ewropej.
F’kummenti li ta, il-President tal-ANSEK Paul Gatt ħeġġeġ lill-kunsilli lokali sabiex jutilizzaw ir-riżorsi tagħhom bl-aħjar mod sabiex ikomplu jindirizzaw il-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti.
Qal, “Kellha anke il-partecipazzjoni ta’ kollegi u esperti barranin, li permezz tagħhom stajna anke nisimgħu kif jaħdmu u kif jistgħu jibbenifikaw il-Kunsilli Lokali bil-ħidma flimkien mar-Reġjuni. Nemmnu li nistgħu nimmassimizzaw ir-riżorsi jekk naħdmu flimkien u b’hekk b’dak li għandna illum, nistgħu nagħmlu ferm aktar kieku naħdmu b’mod individwali.”
Indirizzat din il-konferenza s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, li sostniet li r-rwol tas-Segretarji Eżekuttivi huwa kruċjali sabiex ikun hemm komunikat effiċjenti u b’saħħtu bejn il-Kunsilli Lokali u l-Kunsill Reġjonali rispettiv, dan filwaqt li jkomplu jżommu liċ-ċittadini fiċ-ċentru ta’ ħidmiethom.
Stqarr, “Grazzi għall-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni, ġiet organizzata din il-konferenza bit-tema tar-relazzjoni bejn il-Kunsilli Reġjonali u l-Kunsilli Lokali, propju wieħed mill-pilastri li jindirizza u li se tkun qed tindirizza wkoll l-istrateġija nazzjonali għall-Gvern Lokali, kif il-Kunsilli Reġjonali se jkunu ta’ riżorsa għall-Kunsilli Lokali.”
F’din il-konferenza saru preżentazzjonijiet minn ħames kelliema differenti fuq il-ħidma bejn il-Kunsilli Lokali u r-Reġjuni, fejn anke saret ukoll diskussjoni fuq diversi aspetti relatati ma’ dan il-qasam bħall-implimentazzjoni effettiva ta’ servizzi aktar ċentralizzati, fost oħrajn.