Id-dewmien fis-smiegħ tal-kawżi fil-Qorti, kien il-messaġġ ewlieni fl-ewwel seduta tal-Imħallef il-ġdid Grazio Mercieca.
Quddiem il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, Membri tal-ġudikatura, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, avukati, qraba u ħbieb, l-Imħallef Merieca għamel l-ewwel indirizz tiegħu.
Huwa qal li d-dewmien fis-smiegħ tal-kawżi mhux qiegħed f’pajjiżna biss imma madwar il-qrati tad-dinja kollha. Madankollu qal li d-dewmien fis-smiegħ tal-kawzi jrid jiġi indirizatt. Bi tbissima fuq fommu, l-Imħallef Mercieca, sejjaħ it-tul tas-smiegħ ta’ ċerti kawzi bħala telenovella.
L-Imħallef Mercieca wiegħed li f’din il-kariga, kif għamel fil-kariga ta’ Maġistrat, se jara li jisma’ kemm jista’ kawżi.
Filwaqt li għal iktar minn darba qal li d-dewmien fil-qrati jinsab fil-qrati tad-dinja kollha, saħaq li d-dewmien fil-kawżi jnaqqas l-oralità, li tfisser sempliċità, ħeffa u lealtà.
L-Imħallef Mercieca innota kif id-dewmien fis-smiegħ u tariffi għoljin tal-Qorti jistgħu jwasslu biex ikun hemm min ma jieħux il-każ tiegħu sabiex isir ġustizzja.
Grazio Mercieca, li huwa Għawdxi, kien ilu jippratika ta’ avukat għal 36 sena, fejn kien jipprattika l-aktar fil-Qorti Għawdxija.
Huwa saħaq li se jħares lejn il-kariga ta’ Imħallef bħala opportunità biex iservi b’ġustizzja u b’imparzjalità.
Fiċ-ċerimonja, tkellem ukoll il-President tal-Kamra tal-Avukati, l-avukat George Hyzler.
Huwa kellu kliem pożittiv dwar l-Imħallef Mercieca, fejn qal li fis-snin li għaddew fl-irwol ta’ Maġistrat, l-Imhallef Mercieca kien diġà strumentali biex għen biex jonqsu l-kawżi pendenti.
L-avukat Hyzler qal li l-aktar kwalità li togħġbu fl-Imħallef Mercieca hija l-imħabba tiegħu lejn il-liġi.