Ħidma konġunta wasslet biex titwettaq wegħda oħra li saret fil-Manifest Elettorali Laburista fir-rigward tas-settur tal-biedja.
Ġie ssimplifikat u żdied l-aċċess għall-pestiċidi organiċi li diġà huma rreġistrati fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea iżda li mhumiex irreġistrati f’Malta. S’issa diġà hemm tliet prodotti ġodda li ġew awtorizzati mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – l-MCCAA – li wieħed minnhom jista’ jintuża fil-biedja organika.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, u mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo.
Il-proċedura l-ġdida stabbilita mill-MCCAA se tippermetti l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u se tgħin lill-bdiewa jużaw modi aktar sostenibbli meta jittrattaw il-pesti u l-mard. Il-bdiewa se jkunu wkoll megħjuna biex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda proposti dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi.
Il-Ministru Anton Refalo qal li dak li qed jitwettaq ikompli jixhed kemm il-Gvern qiegħed kontinwament jinvesti u jkun ta’ spalla għall-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Qal, “L-impatt huwa li, mal-poplu Malti u Għawdxi, fl-ewwel mitt jum erġajna wettaqna wegħda oħra. Il-konsumatur Malti, li se jkollu prodott li huwa iktar safe għalih; il-bidwi Malti, li se jkollu sitwazzjoni trankwilla ma’ bdiewa oħra fuq livell Ewropew; u lkoll illi naraw li, fis-sitwazzjoni tad-djar Maltin u Għawdxin, il-prodott li qed jasal nafu li fit-trade tiegħu ma saritx ħsara lill-ambjent ukoll.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, qalet li din il-proċedura l-ġdida li qed tindirizza d-disponibbiltà limitata ta’ prodotti mmirati għall-protezzjoni tal-pjanti, se tgħin biex jonqos l-użu ta’ bexx perikoluż u jkun hemm aktar aċċessibiltà għall-pestiċidi organiċi.
Qalet, “Aħna, bħala Gvern, peress li hemm il-Farm to Fork Strategy qegħdin aħna inġibu din l-alternattiva li nirreġistraw aħna dawn il-pestiċidi speċjalment l-organiċi sabiex il-bidwi Malti u Għawdxi ikollu x-xelta kif wara kollox għandhom bdiewa oħra fl-Unjoni Ewropea.”