Il-kampanja “Insebbħu Pajjiżna” li saret ftit tal-jiem ilu madwar pajjiżna, issa se tibqa’ ssir fil-futur.
Dan wara li l-Ġimgħa filgħodu ġie ffirmat ftehim bejn l-entitajiet tal-Gvern li ħadu sehem f’din il-kampanja sabiex jibqgħu jwettquha perjodikament.
Dan il-ftehim ġie ffirmat waqt konferenza bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku u nkluda fih disa’ entitajiet differenti flimkien mas-Segretarji Permanenti rispettivi.
B’hekk issa permezz ta’ dan il-ftehim ġie stipulat li f’Lulju li ġej, terġa’ ssir il-kampanja u ssir regolarment minn hemm ’il quddiem.
Waqt l-indirizz tiegħu f’din il-konferenza, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar tenna li s-Servizz Pubbliku baqa’ jagħraf il-bżonn li jibqgħu jiġi indirizzati l-ħtiġijiet tas-soċjetà fosthom l-ambjent ta’ madwarna.
Huwa stqarr: “Stajna ngħidu “Innaddfu Pajjiżna” imma ma ridniex tindifa biss, ridna tindifa u tisbieħ u allura meta qed ngħidu nsebbħu pajjiżna, hemm ukoll il-manutenzjoni. Mhux kampanja li għandha ssir darba, hija kampanja li għandha tibqa’ ssir sistematikament flimkien ma’ kampanji edukattivi, diversi entitajiet.”
Is-Sur Cutajar spjega wkoll kif bħalissa għaddejja ħidma fuq proġett kbir li jinvolvi l-qalba għal flotta ta’ vetturi li ma jniġġsux.
Intant f’konferenza separata s-Sur Cutajar sostna l-importanza tat-teknoloġija u l-investiment favuriha fis-settur pubbliku.
Huwa sostna: “Meta qed nitkellmu fuq is-servizzi qed naraw kif l-artificial intelligence, kif l-investiment fit-teknoloġija, mingħajr preċedent sa issa €200 miljun fuq 6 snin se nkompli ntejbu s-servizzi, nilħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies.”
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni tenna s-suċċess ta’ dawn l-investimenti kontinwi tas-Servizz Pubbliku sabiex verament jikseb servizz ta’ eċċellenza.
Dan fost oħrajn b’60,000 persuna jżuru l-one-stop-shops ta’ servizz.gov fl-ewwel kwart tas-sena.
Fl-istess perjodu daħlu aktar minn 230,000 telefonata fuq il-linja 153 filwaqt li s-sit elettroniku ta’ servizz.gov żaruh 300,000 persuna.