Issiġillat il-ftehim biex il-kumpanija Starr Companies, waħda mill-akbar kumpaniji Amerikani fid-dinja tal-assigurazzjoniti
Dan l-investiment qawwi kien issiġġilat waqt żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel fl-uffiċini ta’ Starr Companies fi New York.
Kien f’Novembru li għadda li Dr Muscat iltaqa għall-ewwel darba ma’ din il-kumpanija u minn dakinhar beda x-xogħol biex il-ftehim jimmaterjaliżża ruħu. Kollox mexa b’ritmu effiċjenti ħafna u r-riżultat pożittiv kien ikkonfermat illum.
Il-Prim Ministru qal li ż-żewġ naħat mal-ewwel fehmu l-benefiċċji ta’ dan l-investiment. Bl-operat tagħha f’Malta, Starr Companies se tkun tista tidħol b’mod aħjar fis-swieq Ewropej speċjalment wara l-iżviluppi bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Għal Malta dan il-ftehim ifisser li pajjiżna qiegħed fuq il-mappa tal-assigurazzjoni internazzjonali b’mod iktar ewlieni. Fuq kollox ifisser li Malta hija attraenti għall-investiment b’saħħtu Amerikan u dan qed jiġbed l-attenzjoni ta’ kumpaniji oħra mill-Istati Uniti li qed jaraw f’Malta ġurisdizzjoni żgħira imma flessibli.
Dr Muscat qal li f’dinja kompettitiva, mhux faċli li tiġi kkunsidrat għall-investiment. Iżda Malta taf li malli tkun ikkunsidrata, tista tirnexxi u tiġbed dak l-investiment għaliex noffru prodott mill-aqwa.
“L-investiment ta’ Starr Companies huwa vot sod ta’ fiduċja fl-ekonomija tagħna u f’pajjiżna”, qal il-Prim Ministru.
Il-Viċi President tal-kumpanija Bertil Lundqvist li tħaddem aktar minn tlett elef impjegat esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod eċċelenti kif mexa l-proċess ta’ investiment ma’ Malta, inkluż mar-regolaturi tas-servizzi finanzjarji.
Lundqvist qal li l-kumpanija ltaqgħet mal-Prim Ministru Muscat u ma damux wisq biex indunaw li Malta toffri l-aħjar ambjent biex jistabilixxu ruħhom fih.
“Konna komdi ħafna bl-għażla ta’ Malta. Nemmnu li huwa verament il-post li għandna nkunu fih”, qal il-Viċi President ta’ Starr.
Lundqvist sostna li, wara Brexit, aktar kumpaniji se jindunaw li Malta huwa pajjiż ideali minn fejn tagħmel in-negozju fi ħdan l-Unjoni Ewropea.